Żewġt irġiel ta’ 33 u 42 sena qed jinżammu arrestati u mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin b’rabta ma’ serqa li seħħet minn fuq anzjan fl-Ewwel tas-Sena fil-Marsa.
Fi stqarrija l-pulizija spjegat li ż-żewġt irġiel ġew arrestati grazzi għal ħidma mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett ta-Ħamrun. Jidher li l-każ seħħ għall-ħabta tal-5 ta’ filgħodu tal-1 ta’ Jannar, meta l-irġiel allegatament ħebbew għal anzjan ta’ 67 sena hu u miexi fi Triq is-Salib tal-Marsa.
Wara li allegatament ingħata daqqiet ta’ sieq, l-anzjan spiċċa fl-art, u l-pulizija qalet li ż-żewġt irġiel serqulu l-mobile qabel ma’ ħarbu minn fuq il-post. Il-vittma ġarrab biss ġrieħi ħfief.
L-irġiel ġew arrestati l-Erbgħa fid-9:30 ta’ filgħaxija wara li l-Pulizija ċċirkondaw l-istess karozza li ntużat waqt l-allegat serqa.
Huma qed jinżammu fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija b’rabta sa ma jitressqu quddiem il-ġustizzja.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.