L-anzjani ta’ 85+ fil-komunità se jibdew jirċievu n-notifika ħalli jitlaqqmu kontra l-Covid-19 – One News

Notifiki

L-anzjani ta’ 85+ fil-komunità se jibdew jirċievu n-notifika ħalli jitlaqqmu kontra l-Covid-19

Anzjani ta’ 85 sena jew aktar u li joqogħdu d-dar tagħhom se jibdew jirċievu notfika dwar meta se jitlaqqmu bil-vaċċin ta’ kontra l-Covid-19 fil-jiem li ġejjin.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq l-programm Update mal-preżentatur Rodrick Zerafa hekk kif spjega li din in-notifika se tibda tintbagħat minn nhar it-Tnejn li ġej u se tkun qed tasal fil-jiem li ġejjin b’mod gradwali.

“Ħa nkunu qed nlaqqmu iktar minn elf kuljum u mhux 50 anke sa 1500 kuljum biex l-anzjani kollha ta’ fuq 85 sena li jistgħu joħorġu minn darhom se nkunu laqqamnihom sal-aħħar tax-xahar.Dawk l-anzjani ta’ fuq minn 85 sena li ma jistgħux joħorġu minn darhom għal raġunjiet mediċi se nħabbru aktar tard kif se mmoru għandhom aħna biex intuwielhom ġod-dar tagħhom stess.”

Dwar dan ONE News tkellem mal-koordinatur wara dan il-programm ta’ tlaqqim Steve Agius hekk kif spjega li l-anzjani ta ‘l fuq minn 85 sena se jibdew jirċievu n-notifika fl-indirizz li għandhom imniżżel fil-karta tal-identità.

Dan filwaqt li t-tilqima joħduha fiċ-Ċentru tas-Saħħa tad-distrett li fih huwa l-indirizz tagħhom.

“L-ittra se jirċevuha skond l-indirizz li hem mindikat fuq l-ID Card u kemm jista’ jkun pruvajna wkoll li nagħtuhom tal-Health Centre l-aktar viċin.”

Saħaq fuq l-importanza li ma jintilfx l-appuntament ħlief għal raġunijiet ta’ saħħa bħal deni fejn f’dak il-każ, il-persuni konċernati għandhom jerġgħu jċemplu fuq in-numru 145 sabiex jingħataw appuntament ġdid.

Intant spjega li dawk l-anzjani li joqogħdu f’darhom u li jistgħu jiġu mwassla fiċ-Ċentru tas-Saħħa għat-tlaqqima jistgħu jiskedaw appuntament fuq in-numru 145.

“Dawk li huma housebound però li għandhom xi familjari li jistgħu jwassluhom jiena ninkoraġġihom li jċemplu 145, jinfurmawna huma li jistgħu jmorru fil-Health Centre u hekk aħna nagħtuhom appuntament bid-data u bil-ħin.”

Intant is-Sur Agius spjega li fl-ittra se jkun hemm ukoll aktar informazzjoni li tista’ tkun utli għal min se jkun qed jirċievi l-vaċċin.

Dawk l-anzjani li għandhom aktar minn 85 sena u li jinsabu fid-djar tal-anzjani ma jaqgħux taħt din il-kategorija u jirċievu l-vaċċin mid-Dar li jirrisjedu fiha mingħajr ma tinbgħatilhom ittra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend