Il-Fondazzjoni Dar Nazareth se jkollha r-raba’ dar tagħha… il-Gvern jagħtiha €710,000 – One News

Notifiki

Il-Fondazzjoni Dar Nazareth se jkollha r-raba’ dar tagħha… il-Gvern jagħtiha €710,000

Tul din is-sena l-għajnuna tal-Gvern lill-Fondazzjoni Dar Nazareth se tlaħħaq is-€710,000, żieda ta’ €90,000 fuq l-investiment f’din l-istess dar fl-2020.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli waqt żjara fejn iltaqgħet ukoll mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li tmexxi l-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni kif ukoll mal-Amministratur tal-Fondazzjoni Etienne Schembri. Il-Ministru żaret ukoll il-fundatur tal-Fondazzjoni Nazareth Dun Anġ Seychell fid-dar tiegħu fiż-Żejtun.

Il-Ministru Farrugia Portelli stqarret: “Din l-imħabba għadha għaddejja s’issa u l-Gvern Malti jsostni dan il-ġest li beda 25 sena ilu b’investiment akbar ta’ €710,000, li tfisser li din is-sena l-ħidma tal-Gvern se tiżdied.”

Kien propju 25 sena ilu li l-ħolma li kellu Dun Anġ Seychell, li joffri wens u sostenn lil persuni Żwieten b’diżabbiltà, li ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom, waslet għat-twaqqif tal-Fondazzjoni Nazareth. Din baqgħet tiffjorixxi, tant li fi ftit xhur se jibda xogħol fuq ir-raba’ dar tal-Fondazzjoni. Fl-istess ħin għaddej proġett ta’ restawr u tisbiħ fl-ewwel dar li kellha l-fondazzjoni, li kienet tappartjeni lil Dun Anġ stess u lil ħutu qabel ma ngħatat għal dan l-iskop.

Dun Anġ Seychell sostna: “Il-ħtieġa li ngħinuhom, li nassigurawhom lill-ġenituri tagħhom, li anke meta huma ma jistgħux jibqgħu jgħixu magħhom, aħna se nieħdu ħsiebhom. L-attività prinċipali tkun propju b’risq dawn in-nies.”

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li l-Fondazzjoni se tibqa’ taħdem biex ħadd f’Malta ma jkun eskluż.

Hija qalet, “Aħna qed inħarsu ‘l quddiem li naħdmu mill-qrib biex inkunu nistgħu nkomplu nagħtu dak kollu possibbli f’dak li hu ambjent ta’ familja u ta’ komunità lir-residenti. Inħarsu ‘l quddiem li naħdmu mill-qrib mal-Ministru biex ma jkunx hawn persuni f’pajjiżna li jkunu esklużi.”

Bħalissa il-Fondazzjoni għandha 29 resident li jkunu mħarsa minn żewġ carers 24 siegħa kuljum. Il-Fondazzjoni tippromwovi l-abbiltajiet varji tar-residenti tagħha billi ta’ kuljum tressaq lejn il-Ħanut tax-Xogħol tagħha residenti biex jitgħallmu jaħdmu xogħol tal-idejn, il-qari u l-kitba fost l-oħrajn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend