Ftehim biex jiġi kkonservat u protett masġar Ruman fil-Bidnija – One News

Notifiki

Ftehim biex jiġi kkonservat u protett masġar Ruman fil-Bidnija

Ambjent Malta u Heritage Malta daħlu fi ftehim li jassigura l-protezzjoni u l-manteniment ta’ masġar taż-żebbuġ ta’ madwar 1800 sena, li jinsab fil-Bidnija.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera.

Il-Ministru Herrera stqarr: “Hija ħaġa tajba li niffirmaw ftehim ma’ Ambjent Malta li għandhom l-għarfien naturali mal-patrimonju, u aħna nieħdu ħsieb l-ambjent storiku, bħal nippreżervaw xi fdalijiet, nagħmlu heritage trails, ngħallmu n-nies fuq is-suġġett, u anke nbiegħuh fuq il-mezzi tagħna. Dak hu importanti.”

Il-ftehim se jorbot lil Heritage Malta u Ambjent Malta fost oħrajn biż-żbir tas-siġar minn ġardinara kwalifikati, kif ukoll l-ittestjar għall-Xylella fastidiosa, marda li h serja li taffettwa s-siġar taż-żebbuġ. Għalkemm din il-marda għadha ma nstabitx f’Malta u s-siġar taż-żebbuġ kollha f’dan il-masġar ittestjaw fin-negattiv, eluf ta’ siġar taż-żebbuġ fin-naħa t’isfel ta’ Sqallija ġew affettwati minn din il-marda.

Hawn kien spjegat ukoll li se jkun jista’ jsir ukoll l-ittestjar ġenetiku u għall-kontenut ta’ polyphenol b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, il-propagazzjoni u t-tħawwil tas-siġar taż-żebbuġ, l-installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà, miżuri għat-tifi tan-nar, u r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi.

Il-Ministru Farrugia sostna: “Huwa masġar antik ħafna, 1800 sena, u allura jeħtieġ li jsirulu ħafna xogħlijiet. Kemm mil-lat storiku biex inżommu l-Wirt Nazzjonali Malti intatt, imma wkoll minn ambjent biex isir testjar fuq mard li hemm fis-siġar u naraw li dan il-masġar nippreżervawh, inkomplu nkabbruh, u lill-ġenerazzjonijiet futuri nagħtuhom wirt aħjar milli sibna aħna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend