Sal-aħħar ta’ Jannar, f’pajjiżna se jkunu tlaqqmu bil-vaċċin għal kontra l-COVID-19, sittax-il elf persuna.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega l-proċess li għaddej b’rabta mat-tilqim.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif sal-aħħar ta’ Jannar, pajjżna se jkollu tnejn u tletin elf doża ta’ dan il-vaċċin, b’sittax-il elf persuna se jkunu tlaqqmu bl-ewwel doża, filwaqt li ħamest elef persuna se jkunu ħadu t-tieni doża ta’ din it-tilqima. Dan ifisser li wieħed u għoxrin elf doża se jkunu ngħataw liċ-ċittadini Maltin sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif fl-ewwel ġimgħa mis-sebgħa u għoxrin ta’ Diċembru ngħataw madwar elf u erba’ mitt doża tal-vaċċin, sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa se jkunu ngħataw erbat elef doża tal-vaċċin, filwaqt li sal-ġimgħa d-dieħla se jkunu ngħataw b’kollox tmint elef u mitejn doża tal-vaċċin għal kontra l-Coronavirus.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet Chris Fearne spjega kif bit-tilqim ta’ Pfizer u Moderna, sal-aħħar ta’ Marzu pajjiżna se jirċievi ħamsa u disgħin elf doża tal-vaċċin għal kontra l-COVID-19 filwaqt li sal-aħħar ta’ Ġunju se jaslu mitejn u disgħin elf doża tal-vaċċin.
Id-Deputat Prim Ministru semma ukoll kif sal-aħħar ta’ Settembru, pajjiżna se jirċievi nofs miljun doża tal-vaċċin kontra l-Coronavirus, filwaqt li sal-aħħar tas-sena pajjiżna se jkun irċieva seba’ mija u sebgħin elf doża tal-vaċċin.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li jekk tilqim ta’ kumpaniji oħra jkun approvat qabel min-naħa tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, fosthom dak tal-AstraZeneca, dan il-proċess se jkunu qed jitħaffef aktar. Fearne żied jgħid kif sa Mejju se jkunu tlaqqmu dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u l-persuni vulnerabbli kollha, jiġifieri anki anzjani fil-komunità.
Qal kif, “Ifissru li sal-aħħar ta’ Mejju nkunu laqqamna l-frontliners kollha, ikunu laqqamna n-nies li qed jgħixu f’istituzzjonijiet kollha, kif ukoll inkunu laqqamna lin-nies vulnerabbli, jiġfieri dawk il-persuni ‘l fuq minn sebgħin sena kollha u dawk il-persuni ta’ taħt is-sebgħin sena illi għandhom mard kroniku serju.”
Qal kif sa Mejju, il-pressjoni fuq l-isptarijiet se tkun naqqset u pajjiżna jibda jieħu r-ruħ.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif min nofs Mejju se toħroġ notifika fid-djar Maltin u Għawdxin sabiex il-pubbliku inġenerali, li mhuwiex vulnerabbli se jkollu l-istedina sabiex jitlaqqam. Dawn l-appuntamenti se jingħataw l-ewwel lil dawk li għandhom iżjed minn ħamsa u ħamsin sena.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif sal-aħħar tas-sajf, pajjiżna se jkun qed jilħaq l-immunità għall-virus u kif s’issa ma kien l-ebda rapport straordinarji ta’ effetti kbar mit-tilqima.
Spjega, “Malta hija fortunata u r-residenti Maltin u Għawdxin, meta ngħid fortunata, grazzi għax-xogħol kbir illi għamilna kollha flimkien, illi għandna dan il-vaċċin u issa żewġ vaċċin differenti li huma available għall-poplu tagħna, għaċ-ċittadini tagħna. Li jfisser li allura nistgħu, għandna issa triq biex inkunu nistgħu nerġgħu nieħdu ħajjitna lura biex jerġa’ jaqbad il-kummerċ, biex terġa’ taqbad il-ħajja soċjali tagħna, biex jerġa’ jkollna l-festi tagħna, biex nerġgħu nieħdu r-ruħ u ngħixu l-ħajja normali tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tat-taqsima nkarigata mix-xiri tal-vaċċin spjega kif ħafna pajjiżna ħadem qatigħ sabiex Malta jkollha aktar minn biżżejjed għall-popolazzjoni.
Qal, “Sar billi Malta, bil-parti tal-Ministeru għas-Saħħa kif ukoll mill-Gvern ċentrali ħa ċertu passi biex illum għandna sitwazzjoni fejn Malta għandha dawn il-vaċċin li deħlin b’mod regolari.”
Intant dwar in-numru ta’ każijiet ġodda, id-Deputat Prim Ministru qal li l-fatturi ewlenin huma tlieta. L-ewwel fattur huwa kif ħafna nies iltaqgħu flimkien matul iż-żminijiet ta’ festi wara l-bibien magħluqa. Fattur ieħor huwa dak li dan il-virus huwa staġjonali u t-temp kiesaħ ma jgħinx biex titrażżan l-imxija, filwaqt li fattur ieħor huwa li dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm il-varjant il-ġdid tal-virus.
Aċċenna li t-tilqim jaħdem kontra l-varjant il-ġdid u huwa l-istess virus, iżda jinfirex aktar malajr.