Nesploraw diversi modi biex ikunu attirati aktar studenti lejn il-professjoni tal-inġinerija

“Il-koperazzjoni tal-Ministeru se ssibuha dejjem biex naraw kif nattiraw aktar studenti lejn il-professjoni tal-inġinerija”, stqarret il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt laqgħa kordjali li saret illum mal-Kamra tal-Inġiniera.

Il-Ministru Caruana u r-rappreżentanti tal-Kamra tal-Inġiniera, immexxija mill-President tal-Kamra Dr Ing. Daniel Micallef, iddiskutew diversi suġġetti b’rabta ma’ din il-professjoni, fosthom il-karriera u s-sitwazzjoni tal-istudenti tal-inġinerija.

Dwar modi kif jiġu attirati aktar studenti lejn il-professjoni, issemmew diversi modi kif jista’ jsir dan, bil-koperazzjoni sħiħa tal-Ministeru.

Il-Ministru Caruana qalet li f’dinja dejjem tinbidel, l-edukazzjoni trid tkompli tara wkoll li tħarreġ aktar studenti li jkunu jissodisfaw it-talba għall-kapital uman meħtieġ fuq il-livell tekniku u skont l-infrastruttura u l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Hija qalet li l-edukazzjoni hija waħda mill-pilastri ewlenin f’pajjiżna li twassalna għal ekonomija b’saħħitha fit-tul, u huwa għalhekk li rridu nkomplu nħarrġu lit-tfal tagħna biex ikunu preparati għad-dinja tax-xogħol u dak li dan is-settur jeħtieġ.

B’rabta ma’ dan qalet li l-impenn tagħha huwa li tkattar il-ħidma fuq l-infrastruttura edukattiva, biex din tkompli tiġi modernizzata, mhux biss fl-infrastruttura tal-bini, imma b’mod partikolari ta’ kif qed nippreparaw l-istudenti tagħna għad-dinja tax-xogħol, fl-isfond tal-qafas tal-viżjoni tal-gvern għall-ekonomija li toħodna għal ħamsa, għaxra u għoxrin sena oħra.

Il-Kamra tal-Inġiniera (CoE) hija l-organizzazzjoni lokali li tieħu ħsieb l-interessi tal-inġiniera professjonali Maltin u ilha mwaqqfa mill-1978.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend