AC Milan vs Juventus: Dak kollu li għandek bżonn tkun taf

L-ambizzjonijiet ta’ rebħ tat-titlu ta’ AC Milan se jgħaddu minn eżami deċiżiv nhar l-Erbgħa meta r-Rossoneri jilqgħu ġo Stadio Giuseppe Meazza liċ-champions Juventus fil-partita tal-ġurnata mill-programm tradizzjonali tal-Epifanija.

M’hemmx dubbju li AC Milan u Juventus huma fost l-ikbar klabbs fil-futbol Taljan u nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ klabbs kienu protagonisti fl-aħħar 20 sena fis-Serie A.

Juventus kienu t-tim li ddomina x-xena tal-futbol Taljan f’dawn l-aħħar għaxar snin, bil-Bianconeri jistabilixxu ruħhom bħala l-forza dominanti fil-futbol Taljan wara li rnexxielhom iwaqqfu rekord impressjonanti meta rebħu l-aħħar disa’ kampjonati.

Però dan l-istaġun AC Milan jidher li huma fost il-favoriti li jwaqqfu din il-mixja impressjonanti ta’ Juventus għaliex it-tim imexxi minn Stefano Pioli, kontra kull mistenni, jinsab fil-quċċata tal-klassifika.

Fil-fatt ir-rebħa ta’ 2-0 għand Benevento ħalliet l-AC Milan fl-ewwel post b’37 punt, wieħed quddiem il-ġirien tagħhom Inter, filwaqt li Juventus jinsabu fil-ħames post, 10 punti wara l-leaders tal-kampjonat.

Għall-AC Milan il-partita ta’ Juventus tista’ tarahom trasformati bħala il-favoriti għall-kampjonat għaliex rebħa kontra ċ-champions preżenti mhux biss tkompli ittawwal il-mixja impressjonanti tagħhom fil-kampjonat, fejn it-tim ta’ Stefano Pioli ilu mingħajr telfa fil-kampjonat għal dawn l-aħħar 27 partita, però żgur li tagħtihom il-fiduċja li sa fl-aħħar jistgħu jirritornaw fil-quċċata tal-futbol Taljan wara assenza ta’ disa’ snin.

Min-naħa l-oħra, żgur li għall-Juventus il-partita kontra Milan, tieħu svolta kruċjali għaliex telfa kontra r-Rossoneri tista’ tgħid li toqtol kull tama li l-Bianconeri jista’ jkollhom li jżommu x-xettru ta’ champions tal-Italja għax tarahom b’distakk kbir ta’ 13 punt li jkun diffiċli li jirkupraw minkejja li għad fadal kważi nofs kampjonat x’jintlagħab.

Meta wieħed iħares lejn l-istatistika, Juventus żgur li jittamaw li jkomplu jsaħħu s-supremazija fuq AC Milan hekk għaliex it-tim minn Turin irnexxielu jirbaħ disa’ mill-aħħar 11-il konfront bejniethom.

Min-naħa l-oħra, Milan jittamaw li jkomplu jibnu fuq l-aktar riżultati riċenti kontra Juventus, hekk kif ir-Rossoner irnexxielhom jibqgħu mhux megħluba kontra c-champions ta’ l-Italja fl-aħħar tlett konfronti u għelbu lil Juventus 4-2 fl-aħħar partita bejn iż-żewġ klabbs li ntlagħbet f’San Siro f’Lulju li għadda.

Wieħed mill-protagonisti ta’ dik ir-rebħa impressjonanti għall-Milan probabbilment se jitlef il-partita għaliex Zlatan Ibrahimovic, skorer tal-ewwel gowl minn penalty, qed jirkupra minn injury. L-attakkant Żvediz jidher li qed jagħmel ħafna progress fir-rijabilitazzjoni tiegħu però jidher li ħa tkun diffiċli li jirritorna għal dan il-konfront.

Bin-nuqqas ta’ Ibrahimovic, ir-Rossoneri żgur li se jkunu qed jittamaw li l-attakant Brażiljan Leao jkompli fuq il-forma tajba li għaddej minnha, speċjalment wara l-gowl spettakolari li skorja kontra Benevento nhar il-Ħadd.

Milan żgur li ħa jkunu mingħajr il-midfielder żagħżugħ Alessandro Tonali li jrid jiskonta sospensjoni wara li tkeċċa fir-rebħa ta’ nhar il-Ħadd illi għadda kontra Benevento. Fatt kurjuż fuq AC Milan, hi li r-rebħa kontra Benevento kienet is-sbatax-il waħda li ġiet miksuba b’żewġ goals jew aktar, statistika li tirrifletti li t-tim ta’ Stefano Pioli għandu attakk prolifiku dan l-istaġun.

Min-naħa l-oħra Juventus għal darba oħra jkunu qegħdin iserħħu t-tamiet tagħhom fuq l-istilla Portugiża tagħhom Cristiano Ronaldo. Ronaldo kien protagonista għal darb’oħra fir-rebħa ta’ 4-1 kontra Udinese meta rnexxielu jiskorja doppjetta li poġġietu fil-quċċata tal-klassifika tal-iskorers b’14-il gowl.

Żgur li Juventus jittamaw li Ronaldo jkun il-protagonista kontra AC Milan, speċjalment meta huma mingħajr is-servizzi tal-attakkant Spanjol Alvaro Morata li qed jirkupra minn injury. Ronaldo mistenni li jkun qed jilgħab fl-attakk flimkien ma’ Paulo Dybala li wkoll rnexxielu jpoġġi ismu fil-lista tal-iskorers kontra Udinese minkejja l-ispekulazzjoni kontinwa fuq il-futur tiegħu f’Turin.

Żgur li din ħa tkun partita oħra eċċitanti u mill-aktar missielta bir-riżultat tagħha jista’ jagħti żvolta deċisiva għar-rebħ tal-kampjonat Taljan dan l-istaġun.

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend