Fl-elfejn wieħed u għoxrin se tkun se jsiru diversi avvenimenti, wara li s-sena elfejn u għoxrin ġiet affettwata minn pandemija globali.
Is-sena l-ġdida se tkun waħda ta’ rkupru minn kemm att ta’ saħħa, kif ukoll minn att ta’ ekonomija.
Fis-sitta ta’ Jannar mistenni jkun approvat il-vaċċin tal-kumpanija Moderna għal kontra l-Coronavirus mill-Agenzija Ewropea tal-Mediċini, sabiex dan imbagħad jitqassam fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan jingħaqad mal-vaċċin tal-BioNTech u Pfizer, li beda jingħata f’Malta u madwar l-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Diċembru. Tul din is-sena l-ġdida, dan il-vaċċin għal kontra l-COVID-19 se jkun disponibbli għall-adulti kollha.
Mill-bidu tal-elfejn wieħed u għoxrin, pajjiżna se jwaqqaf l-importazzjoni tal-plastik li jintuża darba.
Matul is-sena elfejn wieħed u għoxrin se jitlesta l-proġett maġġuri tas-Central Link, li se jtejjeb l-infrastruttura fiċ-ċentru tal-pajjiż, filwaqt li se titlesta l-junction bejn Pembroke u High Ridge, fis-Swieqi.
Matul din is-sena, madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jieqfu jaqilbu għall-ħin tax-xitwa. Dan ifisser li meta issa naqilbu s-siegħa f’Marzu li ġej, din se tibqa’ konsistenti tul is-sena kollha.
Mix-xena internazzjonali, fl-għoxrin ta’ Jannar li ġej, Joe Biden se jinħatar President tal-Istati Uniti. Dan hekk kif fil-bidu ta’ Novembru li għadda, Biden rebaħ l-elezzjoni presidenzjali fuq il-President Donald Trump.
L-elfejn wieħed u għoxrin se tkun l-aħħar sena li Angela Merkel tkun il-Kanċillier Ġermaniż. Dan hekk kif f’Settembru li ġej se ssir l-elezzjoni u mhux se tikkontesta għaliha. Hija se tkun għamlet kważi sittax-il sena fit-tmum tal-pajjiżi. Elezzjonijiet oħra madwar il-pajjiżi Ewropej se jsir fl-Olanda u fil-Bulgarija f’Marzu u fir-Repubblika Ċeka f’Ottubru.
Matul is-sena elfejn wieħed u għoxrin se jsiru diversi avvenimenti li kellhom isiru fl-elfejn u għoxrin, iżda minħabba l-pandemija dawn ma sarux.
Fost dawn hemm il-Kampjonati Ewropej għoxrin għoxrin, li se jsiru madwar tnax-il belt fil-kontinent Ewropew, li se jsiru bejn l-ħdax ta’ Ġunju u l-ħdax ta’ Lulju. Fis-sajf, bejn it-23 ta’ Lulju u 8 ta’ Awwissu se jsiru l-Olimpjadi f’Tokyo.