Matul dawn iż-żminijiet ta’ festi, il-poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera bil-qawwa l-ġenerożità tiegħu.
Fuq medda ta’ madwar erba’ ġimgħat, inġabru ftit aktar minn għaxar miljuni u mitt elf ewro f’diversi maratoni li saru.
Meta mqabbel mal-elfejn u dsatax, f’Diċembru tas-sena li għadha kif intemmet u fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, inġabru miljun u sitt mitt elf ewro aktar, hekk kif fl-elfejn u dsatax kienu nġabru aktar minn tmien miljuni u nofs ewro.
Għal sena oħra l-akbar wirja ta’ solidarjetà saret l-għada tal-Milied, meta f’edizzjoni oħra tal-Istrina nġabru aktar minn sitt miljuni u nofs ewro.
Fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, inġabret somma rekord ta’ ftit aktar minn żewġ miljuni u nofs b’risq id-Dar tal-Providenza, f’edizzjoni oħra ta’ Festa ta’ Ġenerożità.
Waqt maratona televiża ta’ tnax-il siegħa nġabru miljun ewro aktar mis-sena l-oħra.
F’għeluq il-maratona, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef irringrazzja lill-poplu Malti u Għwadxi tal-ġenerożità tiegħu f’sena ta’ sfidi bla preċedent.
Tul dawn it-tnax-il siegħa, Fr Martin ingħaqad b’mod virtwali fil-maratona, hekk kif sa ftit ilu kien qed jiġġieled il-marda tal-kanċer.
Intant, fil-maratona ġbir ta’ fondi li jagħmlu ż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna fix-xahar ta’ Diċembru, bejniethom ġabru ftit aktar minn miljun ewro.
Fil-maratona annwali tal-Partit Laburista li saret f’Jum ir-Repubblika, inġabru kważi seba’ mija u erbgħin elf ewro.
Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġabar ftit iżjed minn tliet mija u erbgħa u għoxrin elf ewro.