Notifiki

Mat-tokki ta’ nofsillejl daħal fis-seħħ il-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE

Mat-tokki tal-ħdax, fir-Renju Unit bdiet era ġdida bid-dħul fis-seħħ tal-ftehim li laħaq mal-Unjoni Ewropea, u formalment temm għalkollox il-proċess tal-ħruġ. Il-ftehim – li n-negozjati għalih ħadu xhur twal –  intlaħaq ftit jiem qabel il-Milied.

Ir-Renju Unit kien ivvota għal Brexit f’referendum f’Ġunju tal-2016, u l-perjodu tranżitorju skatta fil-31 ta’ Jannar li għadda.

L-Erbgħa filgħodu il-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, Ursula Von Der Leyen kif ukoll l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel iffirmaw il-ftehim. Aktar tard il-Parlament Ingliż kien approvah ukoll b’maġġoranza ta’ 521 vot.

Il-ftehim jgħid fost l-oħrajn li kumpaniji li joperaw fl-industrija tal-manifattura fir-Renju Unit għandhom aċċess għas-suq intern tal-Unjoni Ewropea mingħajr tariffi. Għalhekk, dan ifisser li mhux se jkunu imposti taxxi fuq l-importazzjoni tal-merkanzija bejn ir-Renju Unit u l-Ewropa.

Qed ikun irrapportat ukoll li għad hemm inċertezza dwar kif se joperaw certu servizzi, fosthom dawk bankarji.

Ir-Renju Unit u Spanja leħqu ftehim sabiex il-fruntiera bejn il-Ġibiltà u Spanja tibqa’ miftuħa.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha fuq Twitter, il-Ministru Ewlieni għall-Iskozja Nicola Sturgeon, saħqet li l-Iskozja dalwaqt terġa’ lura fl-Unjoni Ewropea. Sturgeon tinsab ambizzjuża li tara lil pajjiżha jieħu l-indipendenza mir-Renju Unit u tapplika għal sħubija mal-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend