Il-belt ta’ Auckland fi New Zealand kienet l-ewwel belt maġġuri li laqgħet is-sena l-ġdida. Mat-tokki ta’ nofsinhar (ħin ta’ Malta), f’Auckland in-nies qelbu għas-sena l-ġdida hekk kif daqqu nofsillejl u raw spettaklu pirotekniku. Qabel Auckland kien hemm il-gżejjer ta’ Samoa u Kiribati fl-Oċejan Paċifiku li laqgħu l-2021.
B’kollox iridu jgħaddu 26 siegħa sakemm kull rokna tad-dinja tibda sena ġdida. F’pajjiżi oħra li għad irid jilqgħu s-sena l-ġdida, hemm bosta restrizzjonijiet kawża tal-imxija. F’Pariġi, fi Franza, hemm stakkamenti kbar ta’ pulizija u forzi oħra tal-ordni. Fil-fatt il-Gvern Franċiż ordna mal-mitt elf uffiċjal biex jassiguraw li ħadd ma joħroġ barra wara t-tmienja tal-lejla.
F’Berlin mhux se naraw spettaklu bin-nar bħas-soltu. Dan f’tentattiv li ma jinġemgħux in-nies. Fi bliet oħra, fosthom Beijing, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena se jkunu ferm differenti u b’inqas pompa minn qabel.
F’Malta se jkun hemm xandira ta’ tliet sigħat, fejn in-nies huma mħeġġa jsegwu. Is-sena l-ġdida se tintlaqa’ bi spettaklu pirotekniku sabiħ minn fuq il-Port il-Kbir. ONE se jxandar din ix-xandira li tibda fl-10pm.