Min-nhar il-Ġimgħa Malta se tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ prodotti tal-plastik li jintuża darba – One News

Notifiki

Min-nhar il-Ġimgħa Malta se tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ prodotti tal-plastik li jintuża darba

Min-nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ Jannar 2021, Malta se tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ prodotti tal-plastik li jintuża darba. Dan wara li ntemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.

Filfatt, aktar tard illum, it-30 ta’ Diċembru 2020, se jiġu ppubblikati l-avviżi legali biex din il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, li spjega li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi li se tkun qed twaqqaf l-importazzjoni ta’ numru ta’ prodotti magħmulin minn plastik li jintuża darba biss.

Din il-miżura se tapplika għall-basktijiet tal-plastik, pużati, straws, platti, cotton buds, kontenituri tal-ikel, u ħawwada tax-xorb.

Il-Ministru Farrugia qal li din il-miżura qed tidħol fis-seħħ skont il-pjan imħabbar minnu fix-xhur li għaddew.

Hu saħaq li wasal iż-żmien li nagħtu t-tweġibiet lit-tfal tagħna billi nieħdu azzjoni għall-iskart fuq il-bajjiet tagħna, għall-gawwi mejjet fuq ix-xtajtiet kaġun ta’ plastik li jkun kiel, għal fkieren tal-baħar maqbudin f’basktijiet tal-plastik.

Il-Ministru tenna l-impenn tal-Gvern biex ikompli jitnaqqas it-tniġġis filwaqt li titnieda strateġija għat-tibdil fil-klima u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja, l-ekosistema, il-bijodiversità, b’iktar miżuri, azzjonijiet, u riżultati tanġibbli.

Hu temm jgħid li s-sena 2021 se tkun waħda ta’ tranżizzjoni għal pajjiżna fejn fl-2022, il-projbizzjoni fuq plastik li jintuża darba jitwaqqaf milli jinbiegħ fis-swieq tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend