Notifiki

70 priġunier qed jitgħallmu snajja’ waqt li jiskontaw is-sentenza tagħhom

Sebgħin priġunier li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qed jitgħallmu l-isnajja’ f’xogħol fil-Faċilità stess fosthom fuq il-forn tal-ħabs, fil-kċina, il-mekkanika, u anki l-ħjata.

Il-Kap tal-Prison Industry fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Larkin Bonnici, qal li s-snajja’ hija waħda mit-tliet pilastri ewlenin biex il-priġunieri jirriformaw ruħhom.

Huwa spjega: “Qegħdin nippruvaw ovvjament niffaċilitaw dan kollu, biex kemm jista’ jkun nagħtu l-għodda lil dawk il-priġunieri, li verament iridu jirrabilitaw u jintegraw ruħhom fis-soċjetà biex jagħmlu dan kollu. L-għan aħħari li kemm jista’ jkun nippruvaw nevitaw iktar vittmi fil-futur.”

Waqt il-pandemija, dawn il-priġunieri ħadmu 25,000 maskra, li qed jintużaw mill-għalliema u membri tal-korp tal-pulizija, fost oħrajn.

Fil-ħabs qed isiru wkoll interviews u workshops biex il-priġunieri jitgħallmu fuq kif għandhom iħejju ruħhom għad-dinja tax-xogħol bħala parti mill-iskema tal-Gvern, Bridging the Gap.

Bonnici kompla jispjega: “Dawk il-priġunieri li jkunu qegħdin jimxu tajjeb mal-care plan tagħhom, filwaqt li jkunu qegħdin ukoll juru interess li jibdew jirriformaw aktar ruħhom u jkunu waslu lejn l-aħħar ta-sentenza, aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nippruvaw insibulhom work placement barra l-ħabs. Biex apparti li jkunu qegħdin jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà, inkunu qegħdin nerġgħu nesponuhom għar-realtajiet tax-xogħol.”

Pillastru ieħor huwa x-xogħol fil-komunità, fejn il-priġunieri qed joħorġu minn Kordin biex jagħmlu xogħol ta’ tisbiħ.

Huwa tenna: “Qed nagħtu l-opportunità lill-priġunieri li jagħti xi ħaġa lura lill-komunità li weġgħa oriġarjament bir-reat tiegħu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend