Żieda fil-bejgħ tat-tiżjin tal-Milied għal din is-sena

Hekk kif din is-sena żmien il-Milied qed ingawduh fil-kenn li toffri darna, bosta għażlu li l-ispirtu ferrieħi li jġib miegħu l-Milied iżiduh aktar mis-snin ta’ qabel, u dan billi jżejnu djarhom bl-aqwa armar li jistgħu jixtru.

Dan l-istazzjon tkellem ma’ sid ta’ ħanut li fost l-oħrajn ibigħ l-armar tal-Milied, fejn qalilna li din is-sena ra żieda fil-bejgħ tat-tiżjin meta kkumparat mas-sena l-oħra.

Huwa stqarr magħna: “Żdied il-bejgħ għax in-nies baqgħu aktar ġewwa, ma kienx hemm safar allura rajna differenza fin-nies li din is-sena ramaw aktar djarhom fl-aħħar mill-aħħar. Qishom qed jinfexxew fid-dar, ħalli jġibu d-dar aktar cosy ħalli jgawduh sew mal-familji tagħhom ukoll.”

Din is-sena żmien il-Milied qed iservi ta’ żvog, hekk kif l-2020 ħafna qed jiddiskrivuha bħal ħolma kerha li ġabet magħha diversi sfidi, iżda dan iż-żmien qed inessi ftit mit-togħma morra u minflok qed jerġa’ jagħti raġġ ta’ tama. U għalhekk, l-għatx għall-ispirtu pożittiv qed jinħass aktar mis-soltu.

Joseph Baldacchino qalilna li saħansitra kien għadu lanqas beda s-sajf meta n-nies kienu diġà qed jistaqsuh għall-armar tal-Milied.

Huwa sostna: “In-nies fil-verità dis-sena bdew jistaqsu aktar kmieni, fil-fatt fejn is-soltu minn Awwissu jibdew jistaqsu meta ħa jibda jasal ix-xogħol tal-Milied, bdew jistaqsuna minn Ġunju għax ovvjament ma’ kellhomx, festi ma kienx hawn, attivitajiet tal-massa ma kienx hawn, allura n-nies bdew jiżvogaw litteralment fid-dekorazzjonijiet tad-dar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend