“Ejjew nitgħallmu minn din is-sena u minn Ġesù Bambin, kemm hu aħjar li nieħdu ħsieb lil xulxin u ngħinu lil xulxin. Veru ma kinitx l-isbaħ sena, imma xorta nistgħu nsibu s-sabiħ ġo fiha. Ġesù Bambin għandu pjan għalina u għal din is-sena ried ifakkarna fil-valuri sbieħ li forsi tlfina xi ftit. Ejjew għall-inqas din is-sena niċċelebraw il-Milied kif suppost naħsbu f’ħaddieħor li mhux forsi b’saħħtu biżżejjed. Hekk inkunu nistgħu ngħidu bil-qalb ngħidu. Viva Ġesù Bambin.”
Din hija silta mill-priedka tradizzjonali tal-Milied li għamlet Giorgia Mae flimkien ma’ żewġt itfal oħra fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla.
Quddiem missierha l-Prim Ministru Robert Abela u ommha Lydia Abela, Giorgia Mae tkellmet fi tmiem sena li għallmitna aktar minn qatt qabel l-importanza li napprezzaw lil xulxin.
Wara din il-priedka, ONE News tkellem ma’ bint il-Prim Ministru, li qalet kemm kienet eċitata u ħadmet ħafna.
“Kont eċitata u Ġesu’ Bambin għenni ħafna biex nagħmilha. Ma domtx ħafna, imma ħadta ħafna bis-serjetà u ħadt pjaċir ħafna nitgħallimha u nagħmilha.”
Giorgia Mae tat ftit mir-rigali li nġabru taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja, fl-inizjattiva Rigal b’Imħabba, lill-Paroċċa ta’ Bormla biex jingħataw lil tfal fil-bżonn.
“Inħossni ferħana għax naf li ħa nferraħ tfal oħra.”