Fil-messaġġ tal-Urbi et Orbi f’Jum il-Milied, il-Papa Franġisku qal kif il-vaċċin kontra l-COVID-19 huwa raġġ ta’ dawl u tama, u appella biex ikun disponibli għal kulħadd, f’kull pajjiż madwar id-dinja.
Il-Papa Franġisku qal kif Ġesù Bambin twieled għal kulħadd u għalhekk nistgħu nsejħu lil xulxin aħwa, ġejjin minn fejn ġejjin.
Semma kif jixtieq li jiġu indirizzati d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija, speċjalment nies li mardu, dawk li tilfu xogħolhom u min spiċċa vittma ta’ vjolenza domestika.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa Franġisku saħaq fuq l-importanza tal-paċi madwar id-dinja.
Qal kif din is-sena, pajjiżi bħas-Sirja għaddew minn żminijiet aktar diffiċli, hekk kif minbarra l-gwerra kellhom ukoll pandemija x’jikkumbattu.
Il-Papa talab ukoll għall-paċi fil-Libja.
Il-Papa Franġisku appella biex f’dan il-Milied insibu lilna nfusna, flimkiem mal-familji tagħna.