Is-sabiħ f’sena li tellgħet fil-wiċċ id-djufija tal-bniedem

Fil-messaġġ tiegħu għal dan il-Milied, Dun Anton Teuma, l-Isqof għal Għawdex tkellem dwar kif il-pandemija ħarġet id-djufija tal-bniedem.

Hawn stqarr li mikrobu li lanqas biss hu viżibbli għall-għajn kien kapaċi jħarbat is-sistema li reliġjożament insegwu ta’ kuljum u għamel qabża fir-ritmu ta’ ħajjitna.

Minkejja dan, Dun Anton spjega li l-pandemija ma ġabitx biss diffikultajiet iżda għenitna niskopru l-affarijiet sbieħ tal-ħajja li ssoltu forsi ftit li xejn konna nagħtu kashom.

L-Isqof t’Għawdex qal: “Minħabba l-pandemija ma nistgħux insiefru waħedna jew mal-ħbieb imma nistgħu nqattgħu iktar ħin flimkien fid-dar, moħħna mistrieħ mal-persuni li ngħixu magħhom. Forsi kellu jkun propju dan iż-żmien li tagħna ċ-ċans niskopru aktar lil xulxin.”

Tkellem ukoll fuq il-familja li żgur mhux forsi, din is-sena qattajna aktar ħin magħhom: “Kemm hi sabiħa l-familja. Il-Covid-19 b’xi mod żammna iktar id-dar. Naħseb qatt ma kien hemm żmien li fih xtaqna nerġgħu lura lejn id-dar fis-satra u s-sikurezza ta’ darna daqs dan iż-żmien. Ejja nagħmlu l-Milied tal-Covid, Milied speċjali. Ejjew ninqdew b’dan il-Milied biex nerġgħu niskopru l-isbuħija tar-relazzjonijiet familjari.”

Hu appella sabiex nieħdu ħsieb dawk fost l-aktar vulnerabbli biex nuruhom li mhumiex minsijin: “Ħudu ħsieb l-anzjani tagħkom. Dawk li huma magħkom fid-dar, għinuhom iħossu s-sigurtà billi żżelu bihom u tisimgħuhom u titolbu magħhom. Dawk li qegħdin fid-djar tal-anzjani, ħaddnuhom magħkom bi kliem pożittiv u ta’ kuraġġ, ċemplulhom sikwit u tħalluhomx waħedhom f’dawn il-mumenti, f’dawn il-mumenti fejn l-aktar għandhom bżonnkom.”

Temm jgħid li fil-qofol tal-festa tal-Milied hemm l-imħabba u r-rispett lejn l-emarġinat bħalma fuq kollox kien Alla tagħna.

Dun Anton tenna: “Ma ninsewx lill-barranin u lill-emarġinati. Dawn huma fiċ-ċentru tal-misteru tal-Milied. Alla tagħna għoġbu jiġi f’nofsna bħala bniedem dgħajjef, barrani, emarġinat u fil-bżonn. Li nagħmlu ma dawn ħutna fil-bżonn, inkunu qegħdin nagħmluh miegħu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend