Bosta rigali nġabru taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja l-Belt Valletta.
Dan bħala parti mill-inizjattiva Rigal b’Imħabba li bdiet minn bint il-Prim Ministru Giorgia Mae u mart il-Prim Ministru Lydia Abela sabiex jingħataw ir-rigali lit-tfal fil-bżonn.
Kif jixhed ir-ritratt, is-solidarjetà tal-Maltin hija fl-aqwa tagħha li qed jgħinu lit-tfal fil-bżonn sabiex itaffu l-problemi tagħhom.
Din l-inizjattiva fadlilha ftit sigħat oħra u apparti l-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin li wkoll ġabru r-rigali bi ħġarhom fir-Rabat, bosta negozji u ħwienet li jbiegħu l-ġugarelli taw sehemhom billi taw numru ta’ rigali li se jmorru għat-tfal.
Dr. Lydia Abela kienet ikkummentat li bosta tfal kienu mħassba li din is-sena Santa Klaws mhux ġej iqassmilhom ir-rigali minħabba l-pandemija iżda riedet ukoll twassal messaġġ fejn it-tfal u l-familji juru kemm l-altruwiżmu huwa sabiħ meta mmanifestat minn kulħadd.
Issa jmiss li dawn ir-rigali jitqassmu fid-djar tat-tfal fost oħrajn biex b’hekk kull tifel u tifla f’Malta titnissilhom tbissima hekk kif dan iż-żmien iġib ferħ lil bosta.
Intant l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista wkoll tat sehemha f’din l-inizjattiva nobbli.
Id-deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi fost uffiċjali oħra ħallew ir-rigali taħt is-siġra tal-Milied li hemm biswit Kastilja.