Issa wieħed jista’ jirreġistra l-isem ta’ uliedu bit-tipa Maltija. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.
Bl-isem Ġanni huwa l-ewwel isem Malti rreġistrat fuq is-sistema elettronika tar-Reġistru Pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li minn issa ‘l quddiem il-ġenituri kollha li jixtiequ jsemmu lil uliedhom b’ismijiet li jħaddnu l-alfabett Malti jistgħu jagħmlu dan grazzi għal investiment qawwi li għamlet l-Aġenzija Identity Malta fis-sistema tas-software. Din is-sistema tgħaqqad flimkien il-karta tal-identità, iċ-ċertifikati u l-passaporti.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna l-importanza li nkomplu naraw li l-ilsien nazzjonali tagħna, il-lingwa Maltija, jiġi mħares u użat.
Intqal kif qabel meta l-insinwa kienet tirreġistra l-ismijiet bil-kitba kien possibli li tirreġistra isem bl-alfabett Malti, iżda matul iż-żmien, il-proċess ġie diġitalizzat u l-programm użat ma kienx jippermetti dan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta Anton Sevasta spjega li fil-jiem li ġejjin l-istess aġenzija se tkun f’pożizzjoni li tibda tilqa’ wkoll talbiet għal korrezzjoni minuri f’dan ir-rigward.
Fi stqarrija, intqal kif dan is-servizz se jingħata bla ħlas sabiex titneħħa aktar burokrazija fl-applikazzjonijiet għall-għażla tal-ismijiet. Dawk l-individwi li se jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni se jinħarġilhom passaport li se jkollu l-istess data tal-iskadenza kif ukoll karta tal-identità ġdida mingħajr l-ebda ħlas.
Il-pubbliku ġenerali se jkun avżat minnufih hekk kif jidħol fis-seħħ dan is-servizz fiż-żmien li ġej.