Il-pandemija wrietna kemm l-ekonomija Maltija hija reżiljenti u kemm il-ħaddiema jħobbu verament xogħolhom.
Dan intqal mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri waqt żjara fil-fabbrika tal-kumpanija lokali Maypole, fiż-żona industrijali ta’ Ħal Qormi.
Din il-kumpanija għandha 26 ħanut madwar Malta u Għawdex u tħaddem mijiet ta’ ħaddiema. L-amministrazzjoni ta’ din il-kumpanija faħħret il-mod kif il-Gvern għamel diversi miżuri sabiex il-kumpanija kompliet għaddejja u anke qed tara li tkompli tinvesti għall-quddiem.
Dan sostnieh il-Kap Eżekuttiv tal-Maypole. Huwa qal, “Bdejna mill-bidu nett tas-sena bdejna nipproteġu l-impjiegi tal-impjegati tagħna, li kienet prijorità biex ħadd ma jitlef xogħlu. Naturalment kien importanti ħafna l-input tal-Gvern. Il-miżuri li ħa l-Gvern favur l-industrija, favur il-ħaddiema kienu kruċjali biex aħna stajna nippjanaw minn quddiem biex il-ħaddiema tagħna kollha jibqgħu għaddejjin, ix-xogħol jibqa’ għaddej u fil-verità kif spiċċajna s-sena b’mod pożittiv ħafna.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal kif il-miżuri li għamel il-Gvern kienu kruċjali biex ħafna ħaddiema żammew posthom. Il-Ministru Schembri qal kif fil-bidu tal-pandemija kien stmat li 50,000 ħaddiem kien se jitlef xogħlu, iżda b’ħidma sfieqa mill-Gvern dan ma ġarax.
Il-Ministru Schembri faħħar kif minkejja l-isfidi, hekk kif bl-għeluq tal-iskejjel naqas ix-xiri tal-ħobż, il-kumpanija Maypole kienet innovattiva li ħarġet prodotti ġodda, fosthom il-panettone, li qed imur tajjeb fis-suq f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Huwa sostna, “Minkejja ż-żmien ta’ pandemija, l-ewwel ħaġa li qaluli kif dħalt fl-istabbiliment tagħhom nixtiequ nkelmuk wara ħalli naraw kif inkomplu ninvestu, għandna pjanijiet oħra ħalli naraw kif se nkomplu nkabbru l-operat tagħna. U dan huwa s-sens li ħa rridu nkomplu nwasslu. Is-sena 2020 kienet is-sena diffiċli, kienet sena ta’ sfida kbar, jekk hux Gvern, impjegati, kulħadd. Però sena, b’wiċċi minn quddiem nistgħu ngħidu li flimkien ġbidna ħabel wieħed u qegħdin negħlbuha b’suċċess.”