Bdew il-kumpilazzjonijiet tax-xhieda separati fil-konfront ta’ Melvin Debono u Dean Martin, quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.
L-irġiel tressqu l-Qorti b’emerġenza l-Ħadd wara li s-Sibt kienu arrestati mill-pulizija f’rejd tad-droga f’Raħal Ġdid.
L-ispettur Stephen Ryan Micallef irrakkonta li fil-jum tar-rejd, Dean Martin kien innutat jinżel mill-Ħamrun għall-Marsa fejn minn kumpless ta’ garaxxijiet għabba basket u tefgħu fil-karozza fejn imbagħad reħilha lejn Raħal Ġdid fejn joqgħod Melvin Debono.
Huwa spjega li Martin dar għal diversi drabi madwar il-blokka li fiha joqgħod Debono qabel waqaf u kien avviċinat minn Debono. Kien hawnhekk li Debono daħal fil-karozza ta’ Martin u kienu mwaqqfa mill-pulizija.
L-ispettur Mark Anthony Mercieca spjega li waqt tfittxija li saret fid-dar ta’ Debono nstab pouch iswed li fih kien hemm tlett elef u tmien mitt ewro u mazz ċwievet ta’ diversi karozzi. Instabu wkoll oġġetti relatati mal-konsum tal-kannabis, u ġojjelli, fosthom arloġġ tar-Rolex.
L-ispettur spjega li fir-residenza kien hemm ukoll safe li fih instabu ‘il fuq minn tmienja u sebgħin elf ewro, li ġew ippreżentati fil-qorti, filwaqt li fil-garaxx instabu żewġ karozzi tat-tip Mercedes u Range Rover.
Fi stqarrija li ta lill-pulizija Debono ħa r-responsabbilitá għas-sustanzi u l-flus li nstabu.
Jidher li meta Martin twaqqaf mill-pulizija flimkien ma’ Debono hu stqarr li l-basket li kien hemm fil-karozza ma kienx tiegħu u qal li ma kienx jaf x’hemm fih u stqarr li l-basket kien għal Debono.
L-ispettur Mercieca spjega kif fil-karozza nstabu tlieta punt ħames kilogrammi ta’ sustanza allegatament kokaina.
Intqal ukoll li ġurnata qabel ir-rejd, Debono talab lil Martin biex joħodlu pakkett iżda qallu li ma setax u għaldaqstant ftehmu biex jiltaqgħu l-għada kif filfatt ġara.
Fi tfittxija fil-garaxx u r-residenza ta’ Martin ġew elevati ħames pakketti ssiġillati u ħamest elef ewro fi flus kontanti.
Waqt li kien qed jiġi mitkellem mill-pulizija, Martin qal li xogħlu kien li jżomm id-droga fil-garaxx għal Debono u kien allegatament jitħallas madwar mitejn ewro għal kull kilo li kien iżomm.
Fiż-żewġ każijiet xehed ukoll spiżjar li kkonferma li l-blokok li jammontaw għal ħamsa punt ħames kilogrammi nstabu fil-pożittiv għad-droga kokaina.
Il-Maġistrat Neville Camilleri nsista li fis-seduta li jmiss li mistennija ssir fil-ħamsa ta’ Jannar, il-prosekuzzjoni ttella’ kemm tista’ x-xhieda pajżana tagħha.