Notifiki

Il-korsa tal-Atletika tal-Marsa se tinbidel fi trakka tal-aqwa livell

Il-korsa tal-Atletika tal-Marsa ser tkun qed tinbidel f’impjant ta’ livell dinji għall-atleti Maltin.

Dan il-proġett infrastrutturali huwa mistenni li jilqa’ fih atleti tal-ogħla livell minn madwar id-dinja kollha, dan anke biex isaħħaħ isem Malta bħala destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu sportiv fl-Ewropa.

Barra minn hekk din it-trakka tal-atletika ta’ Klassi 1, se tinkludi fiha faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni, ċentru tax-xjenza sportiva, żoni tal-fiżjoterapija, gym tal-aqwa kwalità, kmamar għal-lezzjonijiet, uffiċċji u sala għall-konferenzi, ristorant b’veduta panoramika, swali għall-VIPs u l-media kif ukoll post t’akkomodazzjoni fuq il-post.

L-investiment tħabbar mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Atletika Andy Grech, fejn f’kummenti spjega kif dan se jilqa’ wkoll il-logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-elfejn tnejn u għoxrin.

Is-Sur Grech stqarr, “Proposta mhux talli se tolqot l-atleti Maltin illi ħa jieħdu sehem fil-logħob tal-pajjiżi żgħar però wkoll l-atleti li forsi jagħmlu l-atletika biex jieħdu gost. Qed nistennew ħafna turiżmu li għandu x’jaqsam mal-isport, ħafna nies barranin, ħafna kompetizzjonijiet ukoll li bihom aħna se ntellgħu l-livell l-lokali tal-atletika.”

Preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima tennna l-impenn u l-ħidma tal-Gvern Malti fil-qasam sportiv.

Grima sostna, “Bħala Gvern diġà ħabbarna numru ta’ proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-qasam sportiv u jsaġġu  dik li hija infrastuttura sportiva u jaraw li l-akwati jogħlew f’livelli għola, li anke għal diversi snin kienu mitluqa u abbandunati issa se narawhom bħala ċentru ħaj, ċentru li fih l-atleti u l-pubbliku se jkollu bħala faċilitajiet.”

Sabiex dan il-proġett ikun konformi ma’ diveri miri ambjentali l-periti ddisinjaw dan l-impjant biex ikun utli s-sena kollha u jkun effiċjenti fir-riżorsi tiegħu. Iż-żona tal-warming up kif ukoll l-istand se jkunu miksija bil-pannelli fotovoltajċi biex jiġġeneraw l-enerġija waqt li fl-istess ħin qed joffru kenn lill-atleti u l-ispettaturi. L-ilma tax-xita se jinġabar biex jintuża fil-kmamar tal-banju u għat-tisqija tal-ħaxix fost oħrajn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend