Notifiki

Din is-sena nfetħu aktar minn 500 każ ta’ diskriminazzjoni fuq persuni b’diżabilità

Mill-ewwel tas-sena s’issa infetħu aktar minn 500 każ dwar diskriminazzjoni fuq persuni b’diżabbilità. Dawn il-każijiet infetħu mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u li aktar minn sittin fil-mija ta’ dawn il-każijiet ġew magħluqa.

Fost il-każijiet ta’ diskriminazzjoni hemm dwar l-aċċessibilità, fil-qasam edukattiv, fl-impjiegi u fl-għoti ta’ servizzi fost oħrajn.

Dan tħabbar waqt iż-żjara li għamlet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli lill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità f’Birkirkara.

Il-Ministru ltaqgħet mal-ħaddiema tal-Kummissjoni u sostniet li matul is-snin sar ħafna xogħol f’dan il-qasam.

Tenniet li r-riżultati miksuba fis-snin li għaddew jixprunaw aktar ħidma lejn inklużjoni fil-ħajja ta’ kuljum minn persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet, “Il-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità kienet waħda mifruxa matul l-2020. Ħafna mill-ħidma jduru mal-COVID, imma wkoll kien hemm issues ta’ natura differenti.”

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna saħaq dwar il-futur tal-Kummissjoni, f’ħidma flimkien mal-Ministeru.

Scicluna stqarr, “Inħarsu ‘l quddiem li nkomplu naħdmu li nkomplu naħdmu mal-Ministru biex b’hekk inkomplu nsaħħu l-Kummissjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ tħares id-drittijiet tal-persuni b’diżabbilità kif obbligati li nagħmlu skont il-konvenzjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbilità kif ukoll dwar l-att l-opportunitajiet indaqs.”

Bħalissa għaddejja ħidma dwar strateġija tal-Kummissjoni minn task force magħmula minn akkademiċi, avukati u persuni b’diżabilità. Din l-istrateġija se tkun qed tagħti aktar direzzjoni u struttura lill-ħidma tal-Kummissjoni, biex b’hekk titqajjem aktar kuxjenza filwaqt li tkompli tonqos id-diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta kontra l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend