Notifiki

Sistema diġitali għat-talbiet tas-servizzi

L-Aġenzija Sapport, li toffri wens u diversi servizzi lil persuni b’diżabilità u qrabathom, se timplimenta sistema ġdida li tippermetti li l-proċessi tat-talbiet għas-servizzi li toffri jkunu f’forma diġitali. Din se tiffaċilita l-ħidma ta’ professjonisti kemm fl-Aġenzija kif ukoll ma’ entitajiet oħra kemm fir-riferiment lejn servizzi kif ukoll fil-ġbir ta’ data attwali u preċiża.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli laqgħet b’sodisfazzjon il-mod kif l-Aġenzija, li tħaddem ‘il fuq minn 120 impjegat, qiegħda dejjem tavvanza fis-servizzi u fl-iskemi li toffri. Faħħret l-aħbar li fil-preżent numru ta’ ħaddiema għaddejjin bit-taħriġ fuq din is-sistema u hu mistenni li fil-bidu tas-sena 2021 aktar timijiet minn Aġenzija Sapport ikunu bdew jadottaw din is-sistema diġitali wkoll.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet, “Din il-management system se tagħti viżibilità aħjar lill-ħaddiema f’każ li pazjent ikollu bżonn servizz tal-aġenzija, is-sistema se tkun ċentralizzata u se jkollhom viżibilità aħjar tas-servizzi li qed jingħataw.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Ruth Sciberras spjegat li investimenti bħal din is-sistema diġitali u t-taħriġ kontinwu tal-impjegati f’diversi oqsma huma fil-fatt element importanti u ta’ prijorità sabiex ikun assigurat li Aġenzija Sapport twassal servizzi effettivi u professjonali b’mod effiċjenti.

Hija spjegat: “U dan nagħmluh għax nemmnu ħafna fl-għażla li persuna tibqa’ tgħix mal-familja tagħha. Meta int tafdaha, turik l-abbiltajiet tagħha u kemm hi kapaċi tgħix waħedha. Ovvjament anke bl-għajnuna ta’ skemi u servizzi li l-Gvern dejjem qed jinvesti fihom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend