Miexi ġmielu x-xogħol ta’ riġenerazzjoni f’Dar Żerniq fis-Siġġiewi, li fiha se tilqa’ erba’ persuni b’diżabilità biex jgħixu ħajja indipendenti.
Din id-dar kienet inxtrat mid-Dar tal-Providenza fl-elf disa’ mija u tlieta u disgħin, u l-għan kien biex il-persuni b’diżabilità intelletwali jgħixu u jintegraw fil-komunità.
Issa, wara sitta u għoxrin sena din id-dar qed isirilha xogħol fuq il-kmamar tal-banju, tas-sodda, lift u għamara ġdida.
Parti minn dan l-investiment qed isir mill-Fondazzjoni Marigold, u ċ-chairperson tagħha Michelle Muscat żaret il-binja fejn saħqet li rridu nħarsu lejn l-abilità minflok id-diżabilità.
Fi stqarrija b’rabta ma’ dan il-proġett, Fr Martin Micallef qal li l-Fondazzjoni Marigold hija waħda mill-benefatturi ewlenin għad-Dar tal-Providenza li qed tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà biex jintegraw.