Tard il-Ġimgħa filgħaxija, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit waqfu n-negozjati li kienu għaddejjin bihom iż-żewġ naħat waqt il-perjodu tranżitorju wara BREXIT.
Dawn id-diskussjonijiet waqfu hekk kif ż-żewġ naħat ma qablux fuq il-kundizzjonijiet li kienu qed jippruvaw isibu għall-ftehim.
In-negozjatur ewlieni għall-Unjoni Ewropea Michel Barnier u l-uffiċjal tal-Gvern Ingliż, David Frost qablu li jwaqqfu t-taħditiet.
Fi stqarrija, dawn iż-żewġ negozjaturi qalu kif is-Sibt, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen u l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jkunu qed jitkellmu aktar dwar dan.
It-twaqqif fin-negozjati ġie wara ġimgħat u xhur ta’ negozjati, wara li r-Renju Unit ħarġet mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Jannar li għadda, bil-perjodu ta’ tranżizzjoni għandu jispiċċa sal-aħħar ta’ din is-sena.