L-Iskola Primarja taż-Żebbuġ f’Għawdex tingħata l-mertu Dyslexia Friendly School   – One News

Notifiki

L-Iskola Primarja taż-Żebbuġ f’Għawdex tingħata l-mertu Dyslexia Friendly School  

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana għamlet tliet żjarat fi skejjel f’Għawdex; l-Iskola Primarja tal-Qala, l-Iskola Primarja tan-Nadur, kif ukoll l-Iskola Primarja taż-Żebbuġ. Fl-iskejjel kollha li żaret, il-Ministru Caruana rat mill-qrib il-ħidma tal-edukaturi u tal-LSEs, kif ukoll tkellmet dwar ix-xogħol u l-ħtiġijiet tagħhom.

Iż-żjara fl-Iskola Primarja taż-Żebbuġ kienet ukoll waħda sinifikanti ferm. Dan għaliex wara erba’ snin vjaġġ ikkaratterizzat minn taħriġ, dedikazzjoni u xogħol, l-Iskola Primarja taż-Żebbuġ, Għawdex, ingħatat il-mertu li tissejjaħ Dyslexia Friendly School.

Dan il-mertu kien possibbli wkoll permezz tal-appoġġ tas-servizz tal-SpLD, li għen lill-għalliema jħaddnu strateġiji marbutin mad-dyslexia, fosthom it-tagħlim multisensorjali, it-tagħlim differenzjat, strateġiji li jiffaċilitaw l-istudju u l-memorja tal-istudenti, bħall-metodu tal-Look, Say, Cover and Check highlighting u colour-coding. L-imħabba għall-qari ġiet imsaħħa fost l-istudenti kollha permezz ta’ inizjattivi bħal Drop Everything and Read u bl-għajnuna tar-Reading Ruler. Permezz ta’ dawn l-istrateġiji bbenefika kull student fl-iskola, iżda b’mod speċjali l-istudenti li għandhom din il-kundizzjoni.

Il-Ministru Caruana qalet li din hija t-triq li rridu naraw fis-sistema edukattiva, li kull student u studenta jkunu inklużi u ħadd ma jitħalla fil-ġenb fil-mixja edukattiva tant importanti għal kull wieħed u waħda minnhom.

Iż-żjarat fl-iskejjel primarji tal-Qala u n-Nadur saru wkoll fl-okkażjoni ta’ jum imfakkar min-Nazzjonijiet Magħquda fil-5 ta’ Diċembru, Jum il-Ħamrija. Dawn iż-żewġ skejjel huma parteċipi fil-programm EkoSkola, inizjattiva mmexxija lokalment minn Nature Trust – FEE Malta, u li huwa programm internazzjonali għall-iskejjel kollha, li jgħinhom lejn edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli.

Il-Ministru Caruana, filwaqt li faħħret inizjattivi bħal dawn, qalet li dawn jipprovdu sfera edukattiva li iżżid l-għarfien dwar l-importanza tal-ambjent. Hija qalet ukoll li l-Ministeru jrid ikompli jiżgura li l-istudenti jingħataw dejjem aktar possibilitajiet biex iwessgħu l-għarfien tagħhom lil hinn mill-edukazzjoni tradizzjonali, u b’hekk iqanqlu għarfien aktar usà dwar is-suġġetti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni ħadet ukoll l-okkażjoni li titkellem dirett mal-istudenti. Filwaqt li awguratilhom fl-istudji tagħhom, qalet lill-istudenti li huma parti importanti ferm mis-sistema edukattiva u għalhekk l-opinjoni tagħhom tiswa ferm għaliha.

Fiż-żjarat tagħha f’kull skola, il-Ministru Justyne Caruana kienet akkumpanjata mill-Kapijiet tal-iskejjel rispettivi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend