Luke Vella ta’ 24 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat, wara li allegatament kien se jaħraq karozza.
Fil-Qorti ntqal kif sid il-vettura tat-tip BMW huwa tas-sieħeb tal-eks tfajla tal-akkużat.
Vella tressaq il-Qorti akkużat ukoll li hedded lill-eks tfajla u s-sieħeb il-ġdid tagħha u li ħoloq biża’ li se tintuża l-vjolenza kontrihom.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna qalet kif il-pulizija rċeviet informazzjoni dwar pjan li jingħata n-nar lil din il-vettura. Qalet kif ġew arrestati żewġ persuni, iżda l-persuna l-oħra, li tqabbdet minn Vella biex jaħraq il-karozza għadha ma ġietx imressqa l-Qorti.
Id-difiża mmexxija mill-avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda mill-Qorti.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.