Il-Gvern bi pjan ta’ kontiġenza f’kull eventwalità ta’ Brexit – One News

Notifiki

Il-Gvern bi pjan ta’ kontiġenza f’kull eventwalità ta’ Brexit

Il-Gvern kien proattiv u prepara pjan ta’ kontinġenza għal kull eventwalità ta’ Brexit.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt diskussjoni mal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji fejn enfasizza l-bżonn li kulħadd jinforma ruħu dwar Brexit u l-bidliet li se ġġib magħha.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li flimkien ma’ dan il-pjan, tnediet ukoll kampanja ta’ informazzjoni li se tkun qed tinforma lil partijiet interessati dwar kif dawn it-tibdiliet se jkunu qed jaffettwawhom.

Huwa qal, “F’kull eventwalità pajjiżna jkun preparat bħalma prepara l-Gvern iżda wkoll irridu l-istake holders kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur ikunu preparati wkoll u kienet okkażjoni li permezz tagħha komplejna ngħaddu informazzjoni dwar kif kulħadd għandu jkun imħejji.”

Intant matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi punti, fosthom l-importanza tat-taħriġ fuq tariffi u proċessi ġodda tad-Dwana li se jkunu qed jaffettwaw lill-intrapriżi kollha li jimpurtaw jew li għandhom attivitajiet kummerċjali mar-Renju Unit.

Il-President tal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u l-Medji Paul Abela laqa’ dawn l-inizjattivi u qal li bħalissa qed issir ħidma konġunta mad-Dwana, biex l-importaturi, li parti sostanzjali minnhom huma intrapriżi żgħar u medji, ikunu preparati għas-sistema l-ġdida.

Huwa stqarr, “Id-Dwana qiegħda preparata wkoll u aħna qed naħdmu mad-dwana biex ix-xenarju tal-ewwel ta’ Jannar l-importaturi jkunu preparati għas-sistema l-ġdida.”

 Dan kollu huwa akkumpanjat minn ħidma konġunta li qed issir biex anke ċ-ċittadini, speċjalment dawk il-Maltin li huma residenti fir-Renju Unit u dawk iċ-ċittadini tar-Renju Unit li qegħdin jirrisjedu f’Malta, jibqgħu aġġornati bil-bidliet u jimlew il-formoli kollha neċessarji skont ir-regolamenti stabbiliti minn Identity Malta u mill-awtoritajiet fir-Renju Unit.

Kull min jixtieq aktar tagħrif għandu jżur is-sit www.brexit.gov.mt li qed ikun aġġornat kontinwament b’avviżi u b’informazzjoni skont kif ikun meħtieġ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend