“Il-bord tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ DCG investiga biss terz tal-istat” – Joseph Muscat – One News

Notifiki

“Il-bord tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ DCG investiga biss terz tal-istat” – Joseph Muscat

Il-bord tal-inkjesta pubblika investiga biss terz tal-istat u għalhekk biss il-Gvern preżenti.

Hekk stqarr l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija li għamel fil-bidu tax-xhieda tiegħu fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa fakkar fit-termini stabbiliti u l-iskop li fuqha ġiet maħtura din l-inkjesta pubblika. Stqarr li dawn it-termini ta’ referenza tfasslu wara laqgħat twal mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia sabiex kollox ikun sar sew. Stqarr li kien diżappuntat bil-mistoqsijiet li saru mill-bord tal-inkjesta u ma sarux biex jintlaħaq l-għan aħħari. Stqarr li f’dak li nstema’ kien proċess dwar jekk Daphne Caruana Galizia kelliex raġun f’dak kollu li kitbet u mhux jekk kienx hemm responsabbilità għall-qtil tagħha.

Stqarr li l-investigazzjoni kellha ssir fuq l-istat u mhux fuq il-Gvern preżenti kif fil-fatt sar. Stqarr kif l-istat ma bediex fl-2013 u hemm ħafna affarijiet li l-effetti tagħhom għadhom jinħassu wara snin ta’ tmexxija ta’ Gvernijiet preċedenti. Stqarr li l-bord ma tax każ s-sitwazzjoni qabel l-2013. Żied jgħid li l-istat mhux biss il-Gvern u barra l-eżekuttiv għandek l-leġiżlattiv u l-ġudikatura. Stqarr li s’issa saret investigazzjoni biss fuq il-Gvern u għalhekk terz tal-istat. Fuq il-leġiżlattiv ukoll kien hemm akkużi serji minn Daphne Caruana Galizia iżda qatt ma sar skrutinju mill-bord. Lanqas fuq il-ġudikatura ma kien hemm investigazzjoni li Daphne Caruana Galizia wkoll kitbet dwarha kemm-il darba.

Żied jgħid li d-definizzjoni tal-istat ukoll twessgħet sabiex tinkludi l-mezzi tax-xandir. Dwar dan ukoll ma sarx skrutinju.

Dr Muscat stqarr kif fl-aħħar 40 sena kien hemm ‘il fuq minn 100 każ ta’ tqegħid ta’ bombi u minn dawn kollha f’każ wieħed biss ġew identifikati l-persuni suspettati wara r-reati u tressqu quddiem il-ġustizzja. Stqarr li maż-żmien l-infurzar dejjem issaħħaħ. Fakkar kif Gvern immexxi minnu neħħa l-preskrizzjoni dwar reati ta’ korruzzjoni u għalhekk għamel waħda mill-iktar tibdiliet b’saħħithom f’dan ir-rigward.

Fakkar kif fil-bidu tal-karriera politika tiegħu kien jissejjaħ ‘biċċa ġurnalist’ u tul il-karriera wieġeb għal ħafna domandi li sarulu. Stqarr li fil-karriera tiegħu għamel tliet libelli biss. Wieħed minnhom dwar il-gidba Egrant li stqarr li kienet misqija lil Daphne Caruana Galizia. Stqarr li din il-gidba kienet imfesfsa mill-Kap tal-Oppożizzjoni dak iż-żmien.

Fakkar kif huwa kien offra li jwaqqa’ l-libell dwar Egrant jekk il-familja taċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta. Stqarr li dawn s’issa rrifjutaw.

Fakkar kif fis-sena 2000 tpoġġiet bomba mad-dar tal-ġurnalist Frans Ghirxi u s’issa ma tressaq ħadd. Kien ukoll inħaraq il-bieb tal-familja Caruana Galizia iżda dwar dan ħadd ma kien tressaq. Stqarr li wieħed jista’ jgħid allura bl-istess riga li kien hemm impunità taħt amministrazzjonijiet preċedenti.

Stqarr li kif sema’ bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien jaf li dan kien ser jibqa’ jidher fuq il-karriera politika tiegħu anke jekk sar ħafna ġid lil hinn minn dan. Stqarr li dejjem kellu rispett kbir lejn it-tliet ġudikanti fuq l-inkjesta u għalhekk isostni li l-mistoqsijiet isiru b’tali mod li jkunu newtrali.

L-eks Prim Ministru stqarr li huwa dispost li jwieġeb għall-mistoqsijiet kollha li jsirulu mill-bord.

Ġie mxejjen ukoll rappurtaġġ li qal l-bord innota kif Joseph Muscat ma weġibx għal taħrika li saritlu biex jixhed quddiem il-bord tal-inkjesta. Dan hekk kif il-proċeduri jgħidu li m’hemmx bżonn li wieħed iwieġeb għal taħrika.

Aqra wkoll:

Jitkellem dwar attentat ta’ frameup waqt l-awguri tal-Milied – Joseph f’xhieda fl-inkjesta pubblika

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend