Ifiqu 105 persuni mill-Covid-19 u jfeġġu 123 każ – One News

Notifiki

Ifiqu 105 persuni mill-Covid-19 u jfeġġu 123 każ

Fl-aħħar sigħat fiequ 105 persuni oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 123 każ minn fost 3,100 test.

Ħabbret dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci fl-aġġornament mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa.

Fil-fatt spjegat kif b’hekk issa n-numru ta’ persuni li fiequ tela’ għal 8,120.

B’kollox in-numru ta’ testijiet li saru sa issa f’pajjiżna tela’ għal kważi 440,000.

Bħalissa fit-taqsima għall-kura intensiva, l-ITU, hemm 17-il pazjent, fit-Taqsima tal-Mard Infettiv hemm ħdax-il pazjent, fi swali oħra fl-isptar Mater Dei hemm ħamsa u erbgħin persuna.

Il-Professur Gauci qalet li fl-Isptar San Tumas hemm erbgħa u għoxrin persuna infettati, f’Karen Grech hemm għaxar persuni u fl-isptar Sammaritan it-Tajjeb hemm erbgħa u sittin persuna rikoverati. Dan filwaqt li fl-isptar Monte Karmeli u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm tliet pazjenti.

Il-Professur Gauci nnutat li fl-aħħar ġimgħat, in-numru ta’ infezzjonijiet beda jistabilizza hekk kif il-medja issa hija ta’ madwar mija u għoxrin.

Fil-fatt, il-Professur Gauci spjegat kif din il-ġimgħa l-medja tar-rata ta’ infezzjonijiet kompliet tinżel. Dan b’kuntrast għall-pajjiżi bħall-Polonja u l-Bulgarija li r-rata ta’ persuni pożittivi sparat ‘il fuq.

Hija qalet, “Pajjiżi oħrajn bħal Poland telgħu għal positivity rate ta’ 47% u l-Bulgarija telgħu għal positivy rate ta’ 375 u allura rridu nieħdu ħsieb li aħna nibqgħu nżommu l-mezzi ta’ mitigazzjoni u l-mezzi ta’ prevenzjoni biex propju aħna ma jiġrix bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħrajn.”

Dwar is-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani, il-Professur Gauci qalet li f’sebat idjar minnhom hemm il-miżuri ta’ mitigazzjoni sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid.

Fil-komunità, il-maġġoranza tal-każjiet ġejjin mid-djar ta’ persuni li diġà kienu nfettati bil-Covid-19.

Il-Professur Gauci appellat ukoll lil min iħaddem sabiex jassigura li jittieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha fuq il-post tax-xogħol. Dan filwaqt li saħqet biex persuni li jħossuhom ma jifilħux ma jmorrux għax-xogħol.

Qalet li f’Għawdex hemm tmienja u sittin każ u filwaqt li appellat biex aktar nies iniżżlu l-Covid-19 Alert App, spjegat kif 18-il tal-popolazzjoni niżlet din l-app.

Minn din il-pjattaforma diġitali kważi nqabdu 400 każ ta’ Coronavirus.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend