Fond biex jgħin l-istudenti jkomplu bl-istudju tagħhom jara żieda ta’ miljun ewro – One News

Notifiki

Fond biex jgħin l-istudenti jkomplu bl-istudju tagħhom jara żieda ta’ miljun ewro

Il-fondi Ewropej mill-Fond Soċjali Ewropew għall-inizjattiva ‘Further Studies Made Affordable’ żdied b’miljun ewro u issa l-fond ilaħħaq it-tliet miljun ewor.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Din l-inizjattiva bdiet madwar sena ilu, fejn din saret b’kollaborazzjoni tal-Bank Malti tal-Iżvilupp flimkien mal-Bank of Valletta.

Dawn qed jgħinu żgħażagħ sabiex ikomplu jistudjaw fil-livell terzjarju.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Malti għall-Iżvilupp Reno Saliba qal kif din l-inizjattiva tagħti self vantaġġjuż hekk kif hemm moratorju ta’ 5 snin, fejn żagħżugħ ikollu ċans iġib aktar kwalifiki.

Huwa qal, “L-iskop tagħha huwa li jtejjeb l-aċċess ta’ studenti għal finanzjament bankarju. Nafu illi edukazzjoni terzjarja tinvolvi ħafna spejjez speċjalment għal dawk li jridu jistudjaw barra minn Malta u allura kien qed ikun hemm diffikultajiet biex ċerti studenti jġibu dak il-finanzjament li jkun hemm bżonn.”

Uffiċjal mill-Bank of Valletta Alfred Frendo qal kif s’issa ħadu sehem 150 student, fejn studjaw għall-pilota, fix-xjenza u l-liġi. Intqal ukoll kif l-ammont ta’ studenti huwa mistenni li jkompli jiżdied u għalhekk inħass il-bżonn sabiex din l-inizjattiva tkompli u tespandi.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif permezz tal-fondi Ewropej, studenti qed ikollhom ċans jistudjaw u jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom.

Huwa stqarr, “Qegħdin nitkellmu dwar tliet miljun ewro li ġejjin mill-Fond Soċjali Ewropew li dawn flimkien mal-intervent tal-istuzzjoni finanzjarja se jagħtu lok għall-faċilitajiet li permezz tagħhom wieħed jista’ jiffinanzja aktar l-istudji tiegħu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend