ARA: Rapport dettaljat tax-xhieda li ta Dr Joseph Muscat fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ DCG – One News

Notifiki

ARA: Rapport dettaljat tax-xhieda li ta Dr Joseph Muscat fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ DCG

Il-bord tal-inkjesta pubblika investiga biss terz tal-istat u għalhekk biss il-Gvern preżenti.

Hekk stqarr l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija li għamel fil-bidu tax-xhieda tiegħu fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li l-investigazzjoni kellha ssir fuq l-istat u mhux fuq il-Gvern preżenti kif fil-fatt sar. Stqarr kif l-istat ma bediex fl-2013 u hemm ħafna affarijiet li l-effetti tagħhom għadhom jinħassu wara snin ta’ tmexxija ta’ Gvernijiet preċedenti. Qal li l-bord ma tax każ s-sitwazzjoni qabel l-2013. Żied jgħid li l-istat mhux biss il-Gvern u barra l-eżekuttiv għandek l-leġiżlattiv u l-ġudikatura.

“Fuq il-leġiżlattiv ukoll kien hemm akkużi serji minn Daphne Caruana Galizia iżda qatt ma sar skrutinju mill-bord. Lanqas fuq il-ġudikatura ma kien hemm investigazzjoni li Daphne Caruana Galizia wkoll kitbet dwarha kemm-il darba”, saħaq Dr Muscat.

Joseph Muscat tefa’ dawl fuq attentat ta’ frame-up fejn spjega kif Melvin Theuma uża l-ftuħ ta’ Kastilja għall-awgurju tal-Milied sabiex jieħu ritratt miegħu. Spjega kif fil-Milied tal-2018, bħal kull sena huwa kien jilqa’ l-awguri tan-nies. Is-servizzi sigrieti qalulu li kienu intraċċaw telefonata ta’ Theuma u qalu li hu kien qal li ser  jidħol u jieħu ritratt miegħu meta jkun hemm l-awguri. Talabhom jgħidulu min hu u qal li kien hemm nies tas-servizzi sigrieti stazzjonati hemm fil-kamra. Qal li daħal is-sur Theuma mal-familja tiegħu jieħu ritratt u warajh daħlet sinjorina li kienet bint Vince Muscat il-‘Koħħu’ li huwa wieħed minn dawk akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.  Din qaltlu “X’se nagħmlu fuq ta’ Vince Muscat?” Qalilha li hu ma jitkellimx fuq dawn l-affarijiet. Spjega kif dak il-ħin waqaf mill-awguri u informa lis-servizzi sigrieti dwar dan kollu. Qal li llum għandu dubji kbar kemm dan kollu kienx ‘frame-up’ li ma rnexxiex għal xi raġuni jew oħra. Huwa tenna li ma’ Yorgen Fenech qatt ma kellu laqgħat uffiċjali f’Kastilja iżda kien ġieli jiltaqa’ miegħu biss f’attivitajiet soċjali.

Irrakkonta wkoll kif kien Keith Schembri li qallu biex jinvolvu lill-pulizija barranija. Stqarr li hekk kif sar magħruf li kienet inqatlet Daphne Caruana Galizia Keith Schembri daħal fl-uffiċċju u qallu li jekk ma jiddaħlux il-barranin fiha ma jkunu jafu qatt x’ġara. Stqarr li tah l-idea li jitkellmu mal-Amerikani, iżda raw li jitkellmu mal-Ewropej ukoll.

Joseph Muscat stqarr li tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvolvu l-Europol, u tkellmu mal-Olandiżi u Ingliżi u ġie kkuntatjat Mark Schapiro, rappreżentant tal-Gvern Amerikan f’Malta, li għarrfu li l-FBI jistgħu jiġu Malta l-għada minn Ruma.

Dwar jekk lejliet l-arrest ta’ Yorgen Fenech huwa kienx qal lil Keith Schembri biex ma jitlaqx mill-pajjiż, huwa wieġeb li kien qallu ‘Ara ma jitlaqx.” Stqarr li kien huwa li interpreta li jċempillu madankollu, qal li ma jiddispjaċih xejn li żammu milli jaħrab mill-pajjiż u jitressaq quddiem il-ġustizzja.

Dwar jekk lil Keith Schembri staqsiehx għaliex ma qallux dwar Yorgen Fenech u 17 Black qallu li din kienet kwistjoni ta’ negozju bejniethom it-tnejn u li ma kellha x’taqsam xejn mal-Electrogas. Stqarr li lil Yorgen Fenech qatt ma staqsieh.

Meta mistoqsi dwar l-intimità li l-Gvern kellu man-negozju huwa stqarr li kull Gvern fid-dinja u anke dak f’Malta jrid ikun qrib in-negozju. Qal li l-ekonomija titmexxa minn mhux iktar minn għaxra min-nies.  Stqarr li ekonomija reali hija kruċjali u t-titjib fil-ħajja tan-nies kienet kruċjali. Stqarr li l-intimità bejn in-negozji u l-Gvern ilha hemmhekk. Hawnhekk għamel referenza għall-awtobijografija tal-President Emeritu Dr Eddie Fenech Adami. Fenech Adami kien tkellem dwar meta waqa’ l-Gvern ta’ Alfred Sant. Stqarr li lil John Dalli kien qallu li kien irranġa diġà biex ajruplan ta’ Tumas Grupp imur għalih il-Libja sabiex ikun preżenti fil-Parlament u jwaqqa’ l-Gvern. Stqarr li b’dan kollu mhux jgħid li hemm xi ħaġa ħażina imma din żgur hija intimità man-negozju.

Dr Muscat stqarr kif fl-aħħar 40 sena kien hemm ‘il fuq minn 100 każ ta’ tqegħid ta’ bombi u minn dawn kollha f’każ wieħed biss ġew iddentifikati l-persuni suspettati wara r-reati u tressqu quddiem il-ġustizzja. Stqarr li maż-żmien l-infurzar dejjem issaħħaħ. Fakkar kif Gvern immexxi minnu neħħa l-preskrizzjoni dwar reati ta’ korruzzjoni u għalhekk għamel waħda mill-iktar tibdiliet b’saħħithom f’dan ir-rigward.

Fi stqarrija fl-aħħar tax-xhieda huwa stqarr li la hu u lanqas familtu m’għandhom il-ħsieb li jitilqu mill-pajjiż għalkemm xogħlu huwa wieħed internazzjonali u għalhekk isiefer ukoll. Stqarr li kien hemm bniedem mill-Istati Initi li stqarr li Joseph Muscat għandu każijiet kontrih fl-Istati Uniti. Huwa spjega li l-flus li qala’ bl-għaraq ta’ xbinu investihom fi prosekuturi Amerikani fejn dawn għamlu r-riċerka u tawh iċ-ċertifikazzjoni li m’hemm l-ebda kawża kontrih jew investigazzjoni fil-konfront tiegħu.

Ix-xhieda tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat kompliet wara bibien magħluqa sabiex Dr Muscat ta dettalji dwar l-laqgħat li kien ikollu mas-servizzi sigrieti minħabba li għandu obbligi legali x’jirrispetta.  Għalhekk il-midja u l-pubbliku intalbu joħorġu mill-awla.

Intant fix-xhieda tiegħu, Dr Muscat qal li hu qatt ma instiga l-mibegħda.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend