Simone Camilleri, l-omm li akkużat lill-pulizija li sawwtu lil binha għax ma libisx maskra f’San Ġiljan talbet apoloġija fuq il-profil tagħha fuq facebook.
Qalet li l-istorja li xerrdet fuq il-midja soċjali hija waħda differenti minn dik li rriżulta minn investigazzjoni li saret.
Ftit tal-jiem ilu Simone Camilleri kienet qalet li pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan taw xebgħa lil binha, tefgħuh mal-art b’gundalla ġo rasu u daħluh ġo vann u tgħidx kemm tawh għax nesa l-maskra.
Hija ppubblikat ritratti ta’ feriti fuq dahar binha iżda issa dak li anki ġie rappurtat minn ċertu sezzjonijiet tal-midja ġie miċħud minn omm it-tifel stess.
Il-pulizija kienet ikkonfermat li bdiet investigazzjoni interna sabiex tistabilixxi jekk din l-allegazzjoni hix vera jew le.
Ftit wara li talbet apoloġija, l-omm neħħiet din il-kitba fuq il-profil tagħha fuq facebook.
Intant l-assoċjazzjoni Maltija tal-pulizija laqgħet l-apoloġija tal-omm.
Esprimiet id-diżappunt li każijiet bħal dawn jiġu mxandra minn media mingħajr il-verifiki neċċessarji u b’hekk iwaqqgħu l-moral tal-membri tal-Korp li b’sagrifiċċji għalihom u għall-familthom jipproteġu lin-nies.