Jiggradwa mill-Università u jisħaq li għandu abbiltajiet differenti – student li għandu l-Asperger’s Syndrome – One News

Notifiki

Jiggradwa mill-Università u jisħaq li għandu abbiltajiet differenti – student li għandu l-Asperger’s Syndrome

Differenti imma normali.

M’għandix diżabilità imma għandi abbiltajiet differenti bħal ħaddieħor fuq kollox.

Dan huwa kliem li sostna fuq Jacob Callus, żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena li ma jħallix il-perċezzjoni tas-soċjetà titfa’ aktar limitazzjonijiet fuq il-kundizzjoni tiegħu, l-Asperger’s Syndrome.

Dan iż-żagħżugħ li jinsab fuq l-ispettru vast tal-awtiżmu tkellem ma’ ONE News u spjega l-esperjenza tiegħu bħala persuna li jgħix b’din il-kundizzjoni.

Qal kif, “Niddejjaq ngħid li hi xi ħaġa li nbati minnha għaliex hija xi ħaġa li matul iż-żmien tgħallimt iktar li hija parti minni għax bl-Ingliż, it makes me who I am. Minħabba fiha kont insibha diffiċli biex immur tajjeb f’ċerti suġġetti bħal Matematika, ix-Xjenza, il-lingwi per eżempju.”

Minkejja l-fatt li Jacob sab l-ixkiel fi triqtu lejn l-Università, illum il-ġurnata jħossu sodisfatt li flimkien ma’ sħabu tal-kors irnexxielu jiggradwa waqt pandemija u qiegħed isegwi kors ieħor fil-livell ta’ Masters.
Qal li, “Daqs kemm irnexxielu ħaddieħor, f’dan iż-żmien u naf li ma kienx żmien faċli, kien żmien diffiċli ħafna, inħossni sodisfatt ħafna li rnexxieli għax naħseb bħal ħaddieħor kont qed ninkwieta ħafna li mhux ħa nasal minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa imma nħossni sodisfatt u ferħan immens li, I made it.”

Jacob spjegalna li fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd għandu abbiltajiet differenti mhux hu biss għaliex kulħadd huwa differenti.

Spjega kif, “Tagħmilni jien min jien. Hija ħaġa li, ma nħobbx nuża l-kelma diżabilità ħafna, iktar nuża l-fatt li jien għandi abbilitajiet differenti minn ħaddieħor. Hija ħaġa li tagħmilni differenti imma tagħmilni persuna normali, daqs kemm kwalunkwe diżabilità u kundizzjoni tagħmel lil dik il-persuna differenti imma normali wkoll.”

L-awtiżmu hija kundizzjoni inviżibbli, ma tidhirx mad-daqqa t’għajn u għaldaqstant Jacob esprima kif is-soċjetà tista’ takkomoda aħjar persuni fuq l-ispettru.

Qal, “Tista’ tgħinhom billi inti tagħraf li ma tantx hemm aspetti li jistgħu jbiddlu tan-natura tagħhom, tal-personalità tagħhom għax minnhom tiġi, fihom, ma tistax tbiddilha.”

Jacob għandu appell lill-persuni li bħalu wkoll jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu biex ma jwarrbux il-ħolm tagħhom minħabba l-kundizzjoni.

Qal, “Qatt ma jibżgħu jkunu min huma, biex qatt ma jistħu jkunu min huma għax fl-aħħar mill-aħħar hija l-identità tagħhom fin-nofs mhix xi ħaġa li jistgħu sempliċiment jużawha u jarmuha. L-awtiżmu tagħtik lok biex ikollok abbilitajiet differenti, tagħtik lok biex ikollok interessi differenti. Interess partikolari tiegħi huwa l-politika għax nixtieq nidħol fiha.”
Iż-żagħżugħ temm jgħidilna li ħadd m’għandu jistħi juri min hu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend