Jibqa’ jsostni li l-MAP hija abortiva anki jekk l-Awtorità tal-Mediċini tgħid mod ieħor – One News

Notifiki

Jibqa’ jsostni li l-MAP hija abortiva anki jekk l-Awtorità tal-Mediċini tgħid mod ieħor

Fid-dawl ta’ rapporti li f’ċertu spiżeriji, il-morning after pill ma tinstabx, speċjalment wara rapporti ta’ mara li l-Ħadd ikollha tinżel Malta għaliex fi spiżeriji Għawdxin ma ssibx il-morning after pill, qanqal diskussjoni.

Dwar dan anki tkellmet is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar.

L-Erbgħa filgħaxija, fil-ħin tal-aġġornament parlamentari kien imiss li jitkellem id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, meqjus bħala deputat konservattiv.

Vassallo penġa l-morning afterpill bħala waħda abortiva anki jekk l-Awtorità Maltija għall-Mediċini mmexxija mill-Professur Anthony Serracino Inglott kien sostna li din il-pillola hija kontraċettiv u mhiex abortiva.

Aktar minn hekk l-abort f’pajjiżna huwa llegali u allura l-morning after pill kieku hija meqjusa mill-awtorità tal-mediċini bħala waħda abortiva ma tistax tinbigħ b’mod legali fis-suq.

Qal kif, “Li sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw it-talba tas-suq, tal-kummerċ, ħalli jkunu jistgħu jbiegħu l-mediċina li huma għandhom bżonn jbiegħu u jserrħu moħħ in-nies li jużaw dik il-mediċina li mhumiex jagħmlu jew jistgħu jagħmlu l-qerda tal-ħajja, allura biddlu d-definizzjoni.”

Edwin Vassallo nfexx jattakka wkoll lis-Segretarju Parlamentari Cutajar u talab biex l-ispiżjara jimxu mal-kuxjenza tagħhom flok jagħtu s-servizz mitlub.

Sostna, “Inkella hija vroma li ngħidu li għandna Segretarju Parlamentari għall-ugwaljanza. Taqbel biss ma’ min jaqbel magħha u tipprova timponi fuq min ma jaqbilx magħha li huma l-ispiżjara jew numru ta’ spiżjara u tipprova tara kif toħdilhom id-dritt milli jsegwu dawn l-ispiżjara l-kuxjenza tagħhom.”

Edwin Vassallo ddefenda wkoll lill-ispiżjara li qed iċaħdu nisa milli jagħmlu użu mill-morning after pill li f’pajjiżna mhiex illegali.

Qal, “Id-dritt tal-kuxjenza li skont il-kuxjenza huma fid-dritt u fid-dover etiku li jekk ikun hemm xi ħaġa li tmur kontra l-kuxjenza tagħhom, huma m’għandhomx ibigħuha.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend