Diskuss qafas legali għad-dinja tax-xogħol li jibqa’ jaġġorna maż-żminijiet – One News

Notifiki

Diskuss qafas legali għad-dinja tax-xogħol li jibqa’ jaġġorna maż-żminijiet

Waqt konferenza bit-tema ‘Il-Futur fil-Qasam tax-Xogħol’ ġew diskussi diversi temi li għandhom x’jaqsmu mad-dinja tax-xogħol fosthom l-intelliġenza artifiċjali u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema.

Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela indirizza din il-konferenza, fejn qal li dan iż-żmien straordinarju jagħti l-opportunità sabiex nieqfu u nippreparaw għall-isfidi t’għada. Sostna li l-pandemija ġabet magħha opportunità sabiex jiġu iddentifikati wkoll l-isfidi eżistenti fuq il-postijiet tax-xogħol.

Il-Ministru saħaq li diskussjonijiet bħal dawn huma kruċjali sabiex isseħħ il-bidla li hemm bżonn fuq il-post tax-xogħol.

Il-Ministru Carmelo Abela aċċenna fuq il-ħtieġa ta’ qafas legali li jibqa’ jaġġorna maż-żminijiet tal-lum fejn id-dinja tax-xogħol qed tevolvi malajr.

Qal kif, “Il-mira hija li nkomplu nagħmlu diskussjoni li bdejna diġà, li nbiddlu l-liġijiet tagħna u fl-aħħar mill-aħħar nimmodernizzaw il-qafas legali tagħna, qafas legali li jaħseb mhux biss għall-bżonnijiet tal-lum, iżda li jaħseb ukoll għall-bżonnijiet tal-futur. Allura importanti li jkollna qafas legali modern, wieħed li nkunu komdu naħdmu bih bħala sħab soċjali kollha, qafas legali li jgħin sabiex inkomplu niżviluppaw l-ekonomija ta’ pajjiżna. Fl-aħħar mill-aħħar din tfisser aktar ħolqien tax-xogħol.”

Il-Ministru spjega wkoll li x-xogħol għall-bidliet neċessarji huwa proċess twil, iżda siewi.

Spjega li, “Hemm sfidi oħrajn fid-dinja tax-xogħol li tħabbat wiċċek magħhom,bħall-bilanċ bejn il-ħajja u l-post tax-xogħol, tirbunal industrijali li huwa mportanti li naraw li jkunu effettivi u effiċjenti anke fid-deċiżjonijiet tagħhom meta jkollok xi ilmenti min-naħa tal-ħaddiema.”

Il-Ministru Abela temm jgħid li minkejja l-isfidi u l-ostakli li jinsabu quddiemna, il-Gvern jinsab ottimist, hekk kif f’dinja fejn ir-rata tal-qgħad dejjem qiegħda tiżdied, Malta tinsab f’pożizzjoni stabbli, fejn ir-rata tal-qgħad f’Malta hija ferm baxxa meta kkumparata mal-medja ta’ pajjżi oħra.

Fil-fatt f’Ottubru, pajjiżna kellu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro għall-ħames xahar konsekuttiv.

Il-Ministru qal li dan huwa r-riżultat li nkiseb minħabba r-reżiljenza u ħidma bieżla tal-isħab soċjali flimkien mal-għajnuna bla waqfien tal-Gvern.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend