Samir Almiri, il-Libjan ta’ 38 sena, is-suspettat li kien involut fil-qtil ta’ Victor McKeon ta’ 62 sena inġieb f’Malta mill-Marokk taħt għassa stretta nżamm arrestat wara li fil-Qorti ġie mixli b’omiċidju.
Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Kif kien żvela b’mod esklussiv minn ONE News, Samir Almiri ġie estradit lejn pajjiżna b’titjira minn Casablanca, il-Marokk, it-Tlieta filgħaxija.
Is-suspettat fil-qtil ta’ Victor McKeon kien mar il-Marokk ftit jiem qabel instab il-katavru f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija.
Il-Libjan kien jgħix ma’ McKeon fl-appartament.
F’dik deskritta bħala xena mill-iktar makabra, il-katavru ta’ McKeon kien instab fil-banju mgeżwer minn rasu sa saqajh ġo boroż suwed.
Nifhmu li l-ġisem tal-persuna kien ilu bla ħajja għal madwar erbat’ijiem.
Is-sejba tal-katavru kienet saret wara li l-ġirien ta’ McKeon irrappurtaw in-nuqqas tal-persuna hekk kif kienu ilhom ma jarawh, u mal-pulizija rrappurtaw ukoll riħa tinten ħierġa mill-appartament.
Almiri tressaq quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.