App bla ħlas biex tfal bl-awtiżmu jnaqqsu l-anzjetà – One News

App bla ħlas biex tfal bl-awtiżmu jnaqqsu l-anzjetà

Fil-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità, il-Fondazzjoni Inspire flimkien mal-Epic u l-Università ta’ Bath, nediet app b’xejn li tintuża sabiex tgħin lit-tfal kollha fil-komunità tal-awtiżmu.

L-app bl-isem ta’ ‘Stories Online for Autism’, jew ‘SOFA’ hija mmirata sabiex tipprepara lit-tfal bl-awtiżmu li jkunu se jgħaddu minn xi tibdil fir-rutina tagħhom li tista’ tkun ta’ sfida kbira. ‘SOFA’ sservi bħala pjattaforma ta’ stejjer fuq diversi sitwazzjonijiet soċjali li t-tfal jistgħu jaffaċjaw. Il-ġenituri jistgħu jaċċessaw diversi stejjer u anke joħolqu stejjer huma stess għal uliedhom sabiex juru l-imġieba ideali tat-tfal fis-sitwazzjonijiet speċifiċi.

Dawn l-istejjer jistgħu jiġu ppubblikati sabiex aktar ġenituri li għandhom l-app jagħmlu użu minnhom u huma ta’ għajnuna lil nies bl-awtiżmu li jaslu sabiex jintegraw fl-iskola u ambjenti differenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire, Antonello Gauci spjega li l-app tinqasam f’żewġ taqsimijiet. Nofs l-app hija ddedikata għall-ġenituri sabiex jiktbu l-istejjer, filwaqt li n-nofs l-ieħor huwa biex jiġu moqrija l-istejjer.

F’kummenti ma’ ONE News, Gauci spjega l-użu ta’ din l-app b’eżempju prattiku.

Qal kif, “Dawn l-istejjer jistgħu jiġu użati biex jippreparaw tfal f’sitwazzjonijiet partikolari. Ħa ntik eżempju. Jekk it-tifel jew tifla ħa jmorru għand id-dentist, mela l-ġenitur, jew min qed jieħu ħsieb it-tifel jew tifla, jista’ jipprepara storja umbgħad ipoġġi ma’ dik il-persuna biex jippreparaw għal dak il-proġett.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend