Solvuti żewġ terzi ta’ lmenti lill-amministrazzjoni pubblika li tressqu għand l-Ombudsman – One News

Notifiki

Solvuti żewġ terzi ta’ lmenti lill-amministrazzjoni pubblika li tressqu għand l-Ombudsman

253, minn 381 każ ta’ lment lill-amministrazzjoni pubblika u li fl-2019 tressqu quddiem l-Uffiċċju tal-Ombudsman, ġew riżolti.

Ħabbar dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar hekk kif spjega li din hija t-tielet sena konsekuttiva li s-servizz pubbliku qed iwieġeb għar-rapport tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u li jitratta s-servizz pubbliku.

Is-Sur Cutajar spjega kif dan minnu nnifsu huwa prova ċara tal-kontabbiltà u s-serjetà li bih jopera s-servizz pubbliku.

Ta’ min jinnota li dawn it-381 każ huma biss 0.003% ta’ madwar it-13-il miljun transazzjoni li ssir kull sena mill-amministrazzjoni pubblika.

Fil-fatt 207 każijiet mit-381 każ investigati, ġew riżolti mingħajr il-bżonn ta’ rakkomandazzjoni. Dwar dan is-Sur Cutajar spjega kif 98% tal-każijiet magħluqa, l-ilment tqies li mhux ġustifikat jew li ġie indirizzat kif xieraq.

40 każ biss ġew riżolti bir-rakkomandazzjoni li ġiet implimentata.

F’6 każijiet biss ir-rakkomandazzjoni ma ġietx aċċettata jew implimentata.

Spjega kif, “Huwa ċertifikat tajjeb għall-amministrazzjoni pubblika għaliex 98% tal-każi li marru għand l-Ombudsman jew ħassew li huma frivoli, jew ħass li għandu jinvestigahom u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li aħna wettaqna jew inkella ġew solvuti wara ftit minuti jew wara ftit korrispondenzi li kien hemm bejn l-Ombudsman u l-amministrazzjoni pubblika.”

Is-Sur Cutajar spjega wkoll li għad hemm 148 każ li huma pendenti.

119 każ minnhom jinsabu għand l-Uffiċċju tal-Ombudsman filwaqt li 29 biss jinsabu fil-Ministeri. Dan juri li mhux talli s-Servizz Pubbliku qed jagħlaq il-każijiet b’mod tajjeb, imma b’mod effiċjenti wkoll.

9 każijiet jinsabu sospiżi minħabba proċeduri tal-Qorti.

Qal li, “Ma’ dak kollu li għidna li implimentajna din is-sena implimentajna ngħalqu wkoll 84 każ ieħor mis-snin ta’ qabel li kienu pendenti li jingħalqu wkoll.”

Dawn ir-riżultati eċċellenti għas-servizz pubbliku ġew ippreżentati lill-Ispeaker Anġlu Farrugia kif ukoll ser jiġu ppreżentati lill-President tar-Repubblika George Vella.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend