Għall-ħames xahar konsekuttiv il-Eurostat ipoġġi lil Malta bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro – One News

Notifiki

Għall-ħames xahar konsekuttiv il-Eurostat ipoġġi lil Malta bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro

F’Ottubru, għall-ħames xahar konsekuttiv, pajjiżna reġa’ kellu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.

Dan ikkonfermatu statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.

Ir-rata tal-qgħad ta’ Malta għax-xahar t’Ottubru hija ta’ 3.9%, li jfisser li hija inqas min-nofs il-medja taż-Żona Ewro, li laħqet it-8.4%.

Fl-għaxar xahar tas-sena, Malta kellha wkoll it-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fost l-istati membri kollha, fejn kienu biss ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja li kellhom rata ta’ qgħad inqas minn Malta.

Madankollu dawn iż-żewġ pajjiżi żiedu r-rata ta’ qgħad fuq ix-xahar ta’ qabel.

Mill-istatistika tal-Eurostat jirriżulta wkoll li r-rata ta’ qgħad ta’ pajjiżna f’Ottubru li għadda kienet biss inqas min-nofs perċentwal iżjed minn Ottubru tas-sena l-oħra, meta ma kienx hemm pandemija.

L-ogħla rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea għax-xahar t’Ottubru kienet irreġistrata fi Spanja b’16.2%.

Dan ifisser erba’ darbiet aktar mir-rata ta’ qgħad ta’ Malta.

Minn Mejju sa Ottubru, il-qgħad naqas bi kważi 1,300 persuna.

L-istatistika tal-EUROSTAT tinnota wkoll li Malta għandha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro fost iż-żgħażagħ li jgħoddu 25 sena jew anqas.

Intant fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li pajjiżna huwa l-uniku pajjiż fiż-Żona Ewro b’rata ta’ qgħad taħt l-4%.

Fi stqarrija l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li dawn ir-riżultati pożittivi li qed ikollu pajjiżna jkomplu jikkonfermaw l-għaqal fit-tmexxija ta’ dan il-gvern anke f’dan iż-żmien diffiċli.

Saħaq li d-diversi miżuri li ħabbar il-Gvern matul ix-xhur tal-pandemija kienu strumentali sabiex in-negozji jibqgħu joperaw u fl-istess waqt jissalvagwardjaw l-impjiegi u d-dħul tal-familji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend