Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, lejliet il-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabiltà, iż-żagħżugħa Naomi Pace Gasan qattgħet ġurnata mal-Prim Ministru Robert Abela, f’jum ieħor ta’ ħidma.
F’messaġġ fuq Facebook, il-Prim Ministru qal kif fil-prattika qed nuru l-importanza li l-persuni b’diżabilità jistgħu jkunu huma wkoll parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali.
Ftit wara r-ritratt li ppubblika l-Prim Ministru Robert Abela ngħaqad f’kollegament telefoniku mal-istazzjon tar-radju 89.7 Bay.
Fil-breakfast show tal-istazzjon, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-persuni b’diżabiltà jistgħu jkollhom irwol ċentrali f’pajjiżna.
Fuq ton iżjed leġġer qal li ta’ spiss isegwi liż-żewġ preżentaturi Daniel Testa u Ylenia Spiteri waqt li jkun għaddej bejn impenn u ieħor.
Qal kif, “Flimkien ma’ Naomi se nkunu qed inqattgħu l-ġurnata flimkien, tfajla li għandha 19-il sena u issa bdejna diskussjoni flimkien fil-karozza, fejn qed tirrakkontali dwar ħajjitha, dwar x’tagħmel f’ħajjitha, verament impressjonat.”
Noami flimkien mal-Prim Ministru inawguraw iċ-ċentru ta’ negozju ġdid tal-Grupp AX fil-Mosta, b’investiment ta’ 6 miljun ewro.
Min hemm il-Prim Ministru flimkien ma’ Naomi komplew il-ġurnata tagħhom fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġewwa Kastilja.
Hawnhekk, il-Prim Ministru laqqa’ liż-żagħżugħa mal-ħaddiema f’Kastilja, fejn rat mill-qrib ix-xogħol kbir li jsir kuljum.
Aktar tard ma tul il-jum Naomi Pace Gasan fimkien mal-Prim Ministru pparteċipat f’laqgħat mad-Deputat Prim Ministru u mal-Brigader tal-Forzi Armati.
Pace Gasan attendiet ukoll għal seduta Parlamentari flimkien mal-Prim Ministru fejn matul is-seduta l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar xewqa taż-żagħżugħa.
Qal kif, “Ftit ilu staqsejtha x’tixtieq. Qaltli li tixtieq taħdem u r-risposta tiegħi kienet irridek taħdem u għandek trid illi taħdem u Naomi x-xewqa hux se tibqa xewqa u fil-mument li tlesti l-istudji trid tidħol fid-dinja tax-xogħol u għandek ħafna x’tagħti fid-dinja tax-xogħol”
Fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Prim Ministru laqa’ wkoll l-istedina ta’ Naomi.
Qal, “Tajtni dan il-pjaċir li stajt inqatta’ l-ġurnata miegħek. Mhux se tkun biss l-ewwel waħda, issa lqajt l-istedina li għamilt ftit ilu wkoll biex inqatta’ l-ġurnata fl-iskola, fejn qiegħda tattendi bħalissa.”