It-Tlieta filgħodu kompliet tinstema’ x-xhieda fil-konfront ta’ Jesper Kristiansen ta’ 30 sena fejn qed jiġi mixli bil-qtil doppju tat-tabib Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski f’Awwissu li għadda.
Kristiansen kien telaq lejn Spanja ftit jiem wara l-qtil doppju u wara li nqabad mill-pulizija Spanjola ġie estradit lejn Malta.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud xehed il-kuntistabbli Sandro Mamo, li spjega kif il-pulizija waslu għall-arrest ta’ Kristiansen u ż-żewġ imputati l-oħra, Daniel Muka u Viktor Dragomanski.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat numru ta’ ritratti elevati minn filmati tas-sigurtà inkluż mis-sit tad-delitt fi Triq Locker f’Tas-Sliema.
Il-kuntistabbli tkellem ukoll dwar ix-xena li sab kif daħal fir-residenza fejn ra ż-żewġ katavri tal-vittmi bla ħajja u t-taqlib fid-dar.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri l-Pulizija skopriet ukoll li s-suspettati ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ karozza bi pjanċi misruqa.
Is-suspettati mbagħad ntlemħu l-Imsida fejn Kristiansen daħal f’kafetterija u staqsa għall-password tal-WIFI u eventwalment ordna taxi permezz tal-mobile.
Xehed ukoll l-Ispettur Colin Sheldon fejn għamel aċċenn partikolari fuq il-karozza li nstabet abbandunata fil-Pietà.
Fiha nstabu ħwejjeġ mċappsa bid-demm kif ukoll arma tan-nar AK47 falza u Thompson Rifle.