Ftehim iffirmat mill-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan se jara nofs miljun ewro investiti f’erba’ proġetti ta’ tisbiħ fil-lokalità.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia fejn kompla jispjega kif il-Gvern qed ikompli jwettaq il-pjan ta’ tħaddir f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż kif ukoll sabiex ikompli joħloq aktar spazji miftuħa u ta’ rikkreazzjoni.
L-interventi jinkludu tisbiħ tad-dħul tal-iskola fi Triq Lapsi, tisbiħ ta’ żona ta’ rikreazzjoni inkluż il-bini ta’ ġibjun għall-irrigazzjoni fi Ġnien Saverju Zarb, installazzjoni proposta ta’ tagħmir għal gym miftuħ u tisbiħ propost ta’ spazju pubbliku eżistenti, fi Triq San Mikiel.
Qal kif, “L-Awtorità tal-ippjanar kkomettiet nofs miljun ewro illi ser imorru għal erba’ proġetti biex jirrabilitaw iż-żoni ta’ San Ġiljan kif ukoll il-postijiet li llum huma abbandunati u mitluqin jiddawwru f’postijiet ta’ rikreazzjoni”.
L-Assistent Direttur fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar Frans Mallia laqa’ l-mod innovattiv li saret l-applikazzjoni għal dawn l-erba’ proġetti f’San Ġiljan.
Spjega kif, “In-novità tagħha hija li qabel il-Kunsilli Lokali jagħtu d-dettallji kollha għall-kuntratt finali, ikun jista’ jkollhom is-serħan tal-moħħ fl-amministrazzjoni tal-fondi assoċjati ma’ dawn il-proġetti illi l-fondi huma disponibbli bil-miktub permezz ta’ kuntratt. Il-vantaġġ prinċipali għal dan il-mod huwa li wieħed huwa li f’każi fejn għandek kunsilli b’numru ta’ proġetti, dawn ikun jistgħu jimmaniġġjaw il-fondi b’mod aħjar ħabba l-allokazzjoni tal-fondi rispettivi,”
Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg semma kif dawn it-tip ta’ inizjattivi jkomplu jgħinu biex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Qal li, “Dawn il-proġetti ser ikomplu jgħinu biex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna u allura jkollhom postijiet fejn huma jkunu jistgħu jiltaqgħu flimkien”.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li flimkien ma’ din l-inizjattiva qed isiru ukoll numru ta’ proġetti biex jiżguraw ambjent aħjar fiż-żoni urbani ta’ pajjiżna.