Malta tinsab fuq quddiem bil-miżuri sportivi waqt il-pandemija tal-Covid-19. Hekk ġie diskuss f’laqgħa informali virtwali organizzata mill-Presidenza Ġermaniża għall-Ministri tal-Isport, fejn fiha s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega l-miżuri proattivi li qed jieħu l-gvern Malti biex jiġġieled l-imxija tal-COVID-19.
Grima qal li din il-pandemija kellha impatt sostanzjali fuq bosta aspetti fis-settur tal-isport. Huwa sostna li f’Malta, SportMalta, flimkien mar-rappreżentanti tas-Saħħa Pubblika assenjati biex jieħdu ħsieb is-settur sportiv, ipprovdew sett ta’ linji gwida lill-għaqdiet sportivi kollha sabiex iservu bħala direzzjoni.
Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Segretarju Parlamentari saħaq li Malta kienet immexxija mill-awtorità tas-saħħa lokali dwar il-proċeduri li għandhom jittieħdu sabiex kompetizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu organizzati, filwaqt li jiġu rrispettati r-restrizzjonijiet kollha imposti mill-Istati Membri involuti.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li għalkemm il-progress huwa evidenti, Malta tixtieq tirrimarka li rridu niġbdu ħabel wieħed u dan sabiex nappoġġjaw lil dawk kollha involuti u niżguraw tranżizzjoni bla xkiel, sabiex is-sitwazzjoni attwali tiġi megħluba.
Ritratt: MFED_PS