Sid ta’ propjetà li tinsab fi Triq Howard, f’Tas-Sliema ngħata kumpens ta’ €100,000 wara li l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri sabet li d-dritt tiegħu sabiex igawdi l-proprjetà tiegħu kien inkiser skont liġi antika tal-kera.
Il-Qorti stabilixxiet li s-sidien tad-djar ġew imċaħħda mid-dritt li jgawdu mill-proprjetà tagħhom meta kienu sfurzati jaċċettaw is-somma ta’ ftit aktar minn €300 fis-sena għall-kiri ta’ darhom fil-qalba ta’ Tas-Sliema.
Stimi tal-lum jgħidu li sid il-proprjetà għandu jirċievi sa kważi tliet elef ewro fix-xahar.
Lura fl-1976, il-proprjetà ġiet mikrija lil ħaddieħor għal perjodu ta’ 17-il sena.
Iktar tard fl-1993, l-inkwilin invoka d-dritt tiegħu li jibqa’ fil-proprjetà fejn skont il-liġi tal-kera tal-1979 din kienet saret il-post tar-residenza ordinarja tiegħu.
Sid il-proprjetà naqas milli jipprova l-każ quddiem il-bord li jirregola l-kera u għalhekk ippreżenta proċeduri kostituzzjonali.
Intant l-inkwilin laħaq miet waqt li kienu għaddejjin dawn il-proċeduri u sid il-proprjetà kiseb lura l-pussess tad-dar f’tas-Sliema.
Il-Qorti qalet li filwaqt li l-liġi l-qadima tal-kera kkunsidrat l-element ta’ ħtieġa soċjali, inħolqot sitwazzjoni li kienet inġusta lejn bosta sidien ta’ proprjetà.
Il-Qorti għalhekk ordnat lill-avukat tal-Istat iħallas lil sid il-kera €96,500 f’danni u €4,000 fi spejjeż tal-Qorti.