Miljun ewro għal erba’ għaqdiet fi proġett ta’ housing speċjalizzat – One News

Notifiki

Miljun ewro għal erba’ għaqdiet fi proġett ta’ housing speċjalizzat

Erba’ għaqdiet mhux governattivi se jkunu qed igawdu minn proġett ta’ housing speċjalizzat, b’investiment ta’ miljun ewro.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, li qal kif dawn l-għaqdiet mhux governattivi ġew allokati propjetajiet tal-Gvern li tħallew għal snin twal fi stat t’abbandun u se jingħataw il-fondi neċessarji sabiex iwettqu x-xogħlijiet fihom ħalli jkunu jistgħu joffru servizz speċjalizzat.

Dawn l-erba’ proġetti huma Dar Qawsalla f’San Ġwann li se tkun f’idejn l-Moviment għad-drittijiet tal-persuni omosesswali l-MGRM, il-YMCA Communal House fil-Belt Valletta li se tkun f’idejn l-YMCA Malta, Dar Mixtla f’Birkirkara li se tkun f’idejn il-Fondazzjoni Sebħ u l-estensjoni ta’ Dar Tereża f’Bormla, li se tkun f’idejn il-Fondazzjoni Richmond.

L-estensjoni ta’ Dar Tereza tfisser li minn tliet familji, issa se jkun hemm iżjed familji li jgħixu fiha. Dan intqal minn Stephanie Dimech Sant mill-Fondazzjoni Richmond, fejn permezz ta’ dan il-proġett se jkunu qed jgħinu ommijiet bi problemi ta’ saħħa mentali.

“Grazzi għal din l-estensjoni anke għaż-żieda tal-fondi, dan il-proġett illum anke se jkun aħjar milli kien intenzjonat fil-bidu. Aħna grati u qegħdin inħarsu b’ħafna entużjażmu biex nibdew naħdmu fuq dan il-proġett biex infittxu naraw il-familji anke jutilizzaw dan is-servizz.”

Il-Ministru Roderick Galdes spjega kif l-għeruq ta’ dan il-proġett ġej mill-esperjenzi taż-żgħażagħ u nies oħra mis-soċjetà li l-vuċi tagħhom sabet widen minn dan il-Gvern.

“Qed insaħħu wkoll l-akkomodazzjoni soċjali, iktar minn hekk imma qegħdin nikkreaw servizz ġdid li sal-lum qatt ma kien jeżisti fil-pajjiż. Aħna naħdmu, għandna l-alleati tagħna li huma l-NGOs, huma dawk li qed jipprovdu diġà servizz volontarju imma wkoll servizz professjonali fl-istess ħin.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal kif nies fis-soċjetà, l-ewwel li jersqu hija lejn l-għaqdiet mhux governattivi.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qal kif il-Gvern qed juri bil-fatti li qed jgħin lis-settur tal-volontarjat.

“Bil-fatti l-Gvern ikompli juri u jikkonferma kemm is-settur tal-volontarjat huwa sieħeb strateġiku, sieħeb strateġiku li permezz tiegħu qegħdin nidħlu fil-komunitajiet u nagħmlu tabilħaq differenza fil-ħajja tan-nies.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend