Jixhdu t-tliet esperti tal-Europol fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech – One News

Notifiki

Jixhdu t-tliet esperti tal-Europol fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Tliet esperti tal-Europol ippreżentaw id-data miġbura mill-apparat mill-appartamenti u dgħajsa ta’ Yorgen Fenech.  Dan waqt seduta oħra mill-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

It-tliet esperti ppreżentaw żewġ hardrives b’data identika b’erba’ terabytes ta’ data miġbura minn apparat teknoloġiku solevat fl-investigazzjoni.  Huma ppreżentaw fil-Qorti diversi rapporti differenti b’elenku ta’ apparat li minnhom ġiet solevata data li tista’ tkun relevanti għall-każ.

Meta mistoqsi mill-avukat tal-Parte Civile Jason Azzopardi, l-espert tal-Europol Constantinos Petrou qal li l-isem tal-operazzjoni mogħtija mill-Europol kien ‘l-operazzjoni Blue Elephant.’

Fil-Qorti instema’ kif l-apparat miġbur u li minnu saret il-ġbir tal-informazzjoni kien ivarja bejn mobiles, laptops, numru kbir ta’ Sim Cards fost l-oħrajn.  Dan b’mod speċjali apparat miġbur minn Portomaso u mill-jott ‘Gio’ ta’ Yorgen Fenech.

Instabu wkoll numru ta’ sim cards ġodda tal-Monaco Telecom.

Il-Qorti semgħet kif dawn it-tlett esperti huma parti minn tim tal-Europol li ġabar l-informazzjoni. Dan filwaqt li hemm tim ieħor li analizza din l-istess informazzjoni miġbura.

Filwaqt li ħafna mill-apparat kien diġà preżentat fl-inkjesta lill-Qorti meta it-tliet esperti kienu ġew Malta bejn l-20 u 23 ta’ Novembru tal-2019, l-espert Giuseppe Totaro ppreżenta żewġ iphones u s-sim cards tagħhom.

Fl-aħħar tas-seduta d-difiża talbet biex il-kopja tal-informazzjoni li tingħata lilha tkun waħda magħmula mill-Europol stess u mhux minn espert tal-Qorti.  Il-Parte Civile stqarret li huwa importanti li l-koppja tingħadda lid-difiża fl-istess ħin li tingħadda lill-Parte Civile.  Għalhekk il-Qorti ordnat sabiex hardrive addizzjonali u identika għal dik preżentata llum tingħadda lill-Qorti.  Dan filwaqt li espert tal-Qorti jagħmel kopja tal-hard drives għall-parte civile u għall-prosekuzzjoni.  Il-hardrives ser ikunu disponnibli għall-parte civile u d-difiża fl-istess waqt.  Dan filwaqt li hardrive oħra preżentata fl-atti mhux ser tkun qed tintmess sabiex żgur l-ebda informazzjoni ma tintilef fil-proċess.

Il-Qorti stqarret dwar l-importanza li l-ebda informazzjoni mogħtija lill-partijiet ma’ tkun ippublikata sakemm din ma toħroġx waqt seduta fil-miftuħ.  Il-Qorti pprojbit lill-partijiet li ngħataw koppja tad-data milli b’xi mod jew ieħor jgħadduha jew partijiet minnha lil terzi persuni.

Il-kontro-eżami tal-esperti tal-Europol ser tkompli f’seduta oħra nhar l-Erbgħa fl-għaxra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend