Ġiet inawgurata The Calm Room on Campus, proġett mill-Fondazzjoni Marigold b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Studenti Universitarji b’investiment ta’ madwar ħamsa u tletin elf ewro.
Il-proġett se jipprovdi spazju kalm u inklussiv għal studenti fl-ispettru tal-awtiżmu u għall-istudenti li għandhom bżonn xi mumenti kwieti matul il-ġurnata fl-Università. B’dan l-investiment The Marigold Foundation irranġat, żejjnet u waqqfet din il-kamra li fiha tagħmir sensorjali għall-adulti.
Waqt l-inawgurazzjoni s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li permezz ta’ dan l-investiment, studenti fl-ispettru wiesa’ tal-awtiżmu se jkollhom spazju li fih jistgħu iħossuhom parti mill-komunità studenteska. Huwa semma kif proġetti bħal dawn qed juru kemm huwa importanti l-volontarjat li jaħseb f’kulħadd u kullimkien.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold Michelle Muscat stqarret li l-Fondazzjoni Marigold tibqa’ kommessa biex toħloq għarfien dwar il-kawza tal-awtiżmu billi tkompli tappoġġja proġetti għal dawn il-familji.
Il-President tal-KSU Matthew Xuereb qal li l-KSU huwa grat għall-appoġġ mogħti mill-Fondazzjoni Marigold u li dan l-investiment għandu jara kwalità ta’ ħajja aħjar fil-kampus.