Il-Ministru Miriam Dalli żżur l-impjanti tal-Enemalta biex tirringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li wettqu – One News

Notifiki

Il-Ministru Miriam Dalli żżur l-impjanti tal-Enemalta biex tirringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li wettqu

Fi żjara li għamlet il-Ħadd filgħodu fl-impjanti tal-Enemalta, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema tax-xogħol li wettqu s-Sibt filgħaxija.

“F’ismi u f’isem il-Prim Ministru Robert Abela nirringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta tal-mod effiċjenti u effettiv li ħadmu bih meta s-Sibt filgħaxija interruzzjoni fl-istazzjon tal-interconnector fi Sqallija kkawża qtugħ fil-provvista tal-elettriku lejn Malta. It-tekniċi tal-Enemalta żiedu l-ġenerazzjoni tal-elettriku biex fi tmien minuti, il-provvista tal-elettriku bdiet ġejja lura għan-normal. F’40 minuta, il-lokalitajiet affettwati kellhom is-servizz lura,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Dalli spjegat kif is-sistema li tħaddem l-Enemalta tassigura kemm jista’ jkun l-effiċjenza, imma fuq kollox huma l-ħaddiema u t-tekniċi li jaġixxu b’mod immedjat.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Jason Vella u ċ-Chairman Kevin Chircop, il-Ministru Dalli żaret iċ-ċentri ta’ kontroll tal-Enemalta fil-Marsa u l-impjanti f’Delimara. Hemmhekk hi ltaqgħet ma’ numru ta’ ħaddiema fejn ġie spjegat lilha s-sistemi li bdew jitħaddmu biex il-provvista tal-elettriku madwar Malta u Għawdex tiġi lura għan-normal fi żmien kemm jista’ jkun malajr.

L-Inġinier Vella spjega kif meta l-Enemalta esperjenzat interruzzjoni fil-provvista mill-istazzjoni fi Sqallija, il-pajjiż kien qed jieħu madwar żewġ terzi tal-provvista mill-interconnector.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend